Persuni li jafu lill-Olandiż li qatel lit-tfajla tiegħu f’Santa Venera sostnew li ż-żagħżugħ huwa bniedem ferrieħi, imma meta jieħu xi ftit alkoħol iż-żejjed kellu t-tendenza li jsir vjolenti.
Oħrajn qed isibuha bi tqila li jemmnu li qatel lit-tfajla u sostnew li qabel ma’ tinqata’ s-sentenza mhux se jemmnu dak kollu li qed jixxandar mill-midja.
Dan qaluh mal-ġurnal Olandiż Telegraaf li qed isegwi dak kollu li qed jiġri fil-każ tal-qtil brutali.
Shannon Mak instabet bla ħajja fis-6.15am fi Triq il-Mastrudaxxi, taħt ħajt, bejn żewġ karozzi pparkjati. Mal-wasla tal-Pulizija fuq il-post, sabu lill-vittma f’għadira demm, bi ġrieħi li jindikaw li sfat vittma ta’ sikkina.
Iż-żagħżugħ tressaq il-Qorti l-għada li seħħ il-każ fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Iż-żagħżugħ li għandu 22 sena kien jgħix fil-villaġġ ta’ Sneek u meta kellu biss 16-il sena beda jaħdem fl-industrija tal-ospitalità. Hu ġie Malta madwar sena u nofs ilu.
Sħabu qalu li l-aħħar li mar iżurhom l-Olanda spjega li kien jinsab kuntent Malta u kellu relazzjoni tajba mat-tfajla tiegħu.
Min-naħa l-oħra sostnew li wara li kien jixrob ftit mhux ħażin, mhux l-ewwel darba li jagħmel xi waħda minn tiegħu. Spjegaw li ġieli waqa’ minn fuq il-mutur jew inkella daħal f’xi ġlieda waqt li kien f’xi bar u jispiċċa b’xi black eye.
Persuni oħra qalu li mhux l-ewwel darba li l-akkużat kien taħt l-effetti tad-droga. Madanakollu sostnew li fil-pajjiż hija ħaġa normali li tieħu d-droga, u għaldaqstant din il-ħaġa ma kelliex twasslu sabiex iħanxar mara.