​Awdjo: “Kien attakk fuq il-ħin tal-mistrieħ tal-Franċiżi” – l-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna iddeskriva l-attakki ta’ Pariġi bħala “attakk minn persuni bla qalb fuq il-ħin tal-mistrieħ tal-poplu Franċiż.”
Meta tkellem ma’ Newsbook.com.mt, l-Arċisqof qal li billi fil-mira tal-attakki kien hemm grawnd tal-futbol, post fejn isiru l-kunċerti u restorant, juri li dan kien attakk fuq il-ħajja ta’ mistrieħ li persuni għandhom dritt igawdu fi tmiem il-ġimgħa.
F’isem il-Knisja Maltija, esprima s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Franċiż kollu, partikolarment il-qraba tal-vittmi.
Semma kif dawn l-attakki saru minn grupp ta’ persuni li jridu jkissru ċ-ċiviltà kif ukoll il-konvivenza paċifika. Qal li huwa importanti li t-tweġiba għal dawn l-attakki ma tkunx iktar vjolenza, iżda impenn akbar għal soċjetà tassew inklussiva mingħajr inġustizzji.
Fl-istess ħin qal li għandu jingħata kull apoġġ lill-inizjattivi tal-istat biex jiddefendi liċ-ċittadini tiegħu.
Kien hawnhekk li l-Arċisqof Scicluna appella biex isir talb għall-paċi iżda fl-istess ħin saħaq dwar l-importanza li kulħadd jibqa’ viġilanti.