“Kieku tkeċċa 4 snin ilu, Daphne għadha ħajja”

Aġġornat 01:08 PM

Read in English.

Għadd ta’ persuni rreaġixxew għat-tkeċċija tal-eks Ministru Konrad Mizzi mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista, u l-maġġoranza tagħhom qalu li li kieku Mizzi tkeċċa erba’ snin ilu, il-probabbiltà hi li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet tkun għadha ħajja.

Ilbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela talab lil Konrad Mizzi sabiex jirreżenja mill-Parlament. Mizzi kiteb fuq Facebook li mhux beħsiebu jagħmel dan, peress li jħoss li dan mhux ġust, u hu innoċenti. Il-PM imbagħad ressaq mozzjoni sabiex Mizzi jitkeċċa waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista, u 71 persuna vvutaw favur, persuna astjeniet, u oħra vvutat kontra.

Fost in-nies li rreaġixxew billi qalu li kieku dan sar qabel, Daphne Caruana Galizia ma kinitx tinqatel, kien hemm l-eks Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li fuq Twitter kiteb li din it-tkeċċija hija erba’ snin tard.

L-istess kienet il-vena tal-profil Justice for Daphne.

Kienet il-ġurnalista Caruana Galizia li żvelat fl-2016 li Konrad Mizzi u Keith Schembri kellhom kumpaniji fil-Panama, u isimhom deher fil-Panama Papers. Minn dakinhar s’issa, is-soċjetà ċivili organizzat għadd ta’ protesti u dimostrazzjonijiet titlob għar-riżenja tagħhom.

F’Novembru tal-2019, fil-qalba tal-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista, Konrad Mizzi rreżenja minn Ministru tat-Turiżmu, iżda żamm postu fil-Parlament.

Iben il-ġurnalista, Matthew Caruana Galizia, ikkwota artiklu tat-Times of Malta li jgħid li l-Pulizija ħarġu stqarrija fl-2017 jgħidu li ma kienx hemm suspett raġonevoli sabiex tinfetaħ investigazzjoni fuq l-aġir ta’ Keith Schembri, li dakinhar kien Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, u Konrad Mizzi. Schembri u Mizzi kienu ssemmew fil-Panama Papers peress li fetħu kumpaniji fil-Panama.

Caruana Galizia kiteb li fl-istess xahar, ir-raġel li huma ħejjew il-korruzzjoni tagħhom miegħu, Yorgen Fenech, ordna li ommu tinqatel.

L-iben l-ieħor ta’ Caruana Galizia, Andrew, kiteb li ħajjithom setgħu kienu ferm differenti.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola laqgħet din l-aħbar, filwaqt li qalet li dan sar wara snin ta’ attakki fuq kull min tkellem kontra, snin li fihom iddefendew lil min ma kellux jiġi defendut, u snin li fihom il-korrotti tħallew imexxu l-pajjiż.

Fi tweet oħra, Metsola kitbet li din it-tkeċċija hija bidu, imma responsabbiltà politika mhix biżżejjed, peress li trid issir ġustizzja. L-MEP qalet li jeħtieġ li titkompla l-ħidma li bdiet Daphne Caruana Galizia sakemm kull persuna li għandha taffaċċja l-ġustizzja taffaċċjaha.

L-għaqda Occupy Justice qalet li l-post li jmiss għal Mizzi huwa d-Depot.

Goodbye Konrad Mizzi. Finally. It took 4 years, many protests, revelations and scandals. And the death of one…

Posted by Occupy Justice Malta on Tuesday, June 23, 2020

Il-korruzzjoni li ħakmet lil Malta ferm ikbar minn Mizzi” – Repubblika

Min-naħa tagħha l-għaqda tas-soċjetà ċivili Repubblika ħarġet stqarrija li fiha qalet li l-ekosistema ta’ korruzzjoni u impunità li ħakmet lil Malta hija ferm ikbar minn Konrad Mizzi.

“Filwaqt li aħna nemmu li huwa ikkontribwixxa għaliha u huwa għandu jirrispondi għal għemilu,
aħna jidhrilna li Konrad Mizzi huwa wkoll sintomu ta’ din il-marda li qed tifni lil Malta. Huwa inutli li nippruvaw nirtokkaw xi ħaġa msewsa jew inbajdu dar mingħajr pedamenti. Il-problema
fundamentali ta’ pajjiżna qiegħda fil-fond, fejn ma jidhirx.”

Repubblika qalet li Mizzi għamel dak li għamel għax kien hemm Joseph Muscat, Keith Schembri, Nexia BT, “uffiċjali fil-Pulizija li m’għamlux xogħolhom, istituzzjonijiet tal-istat maħkuma, negozjanti lesti jħammġu u jitħammġu, ċittadini li jippreferu ma jiftħux ħalqhom sakemm qed jieklu, korpi kostitwiti mmexxija aktar mill-biża’ u l-interess settorjali, sezzjonijiet tal-midja li jagħżlu li jħarsu n-naħa l-oħra, klassi politika inkompetenti, mixtrija jew li tħares biss sal-kaxxa tal-vot.”

Repubblika tenniet is-sejħa biex tinbeda investigazzjoni konġunta bejn il-Europol u l-Pulizija fl-assassinju ta’ Daphne u fil-korruzzjoni li wasslet għall-qtil tagħha. L-Avukat Ġenerali, qalet Repubblika, għandu jaqta’ l-iskużi.

Qabel ma saret il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari, l-MEP David Casa kiteb li l-unika persuna li għadha taħseb li Konrad Mizzi hu innoċenti hija Konrad Mizzi.

Jidher li l-unika persuna li għadu jaħseb li Konrad Mizzi huwa innoċenti huwa Konrad Mizzi.

Posted by David Casa on Tuesday, June 23, 2020