“Kieku qalulna, missieri mhux imħallat ma’ ħaddieħor”

Fuq Facebook dehru wkoll ritratti ġodda tal-ħidma li saret fiċ-ċimiterju fosthom ta' fdalijiet fiż-żibel.

Għadd ta’ persuni sostnew li ma kinux infurmati li l-qraba tagħhom qed jitneħħew mill-oqbra tal-komun filwaqt li qalu li mhux veru t-tindif fl-oqbra tal-komun isir b’mod regolari. Diversi persuni rreaġixxew għall-kummenti ta’ kelliema tal-Gvern li ma’ Newsbook.com.mt qalet li t-tindif fiċ-ċimiterji fiż-żoni tal-komun isir b’mod regolari.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ uħud mill-qraba tal-persuni midfuna fil-komun li sostnew li huma ma kinux infurmati.

Persuna minnhom qalet li kieku rċivew l-avviż miċ-ċimiterju jew mill-kumpanija li torganizza l-funerali, kieku l-fdalijiet ta’ missierhom ma kinux jitpoġġew fil-fossa tal-Gvern. Il-persuna kompliet tisħaq li minħabba dan in-nuqqas, il-fdalijiet tħaltu ma’ ta’ oħrajn. Il-persuna qalet lil Newsbook.com.mt li l-omm għamlet konvenju fuq qabar ġdid li għandu jkun lest sal-aħħar ta’ Novembru li ġej. Qalet ukoll li kieku kienet infurmata kienu jsiru l-preparamenti meħtieġa biex jitħoġġew f’qabar ieħor sakemm il-qabar tal-familja kien ikun lest.

Intant, Newsbook.com.mt irċieva għadd ta’ lmenti oħrajn li jindikaw li t-tindif ma kienx isir b’mod regolari. Każ ta’ persuni li ilha mejta aktar minn 5 snin, il-fdalijiet tagħha nqalgħu mill-qabar tal-komun fl-aħħar jiem mingħajr avviż lill-familjari jew lill-kumpanija li tieħu ħsieb il-funerali. Każ ieħor huwa ta’ familjari ta’ persuna li ilha mejta 7 snin iżda l-fdalijiet tagħha nqalgħu fl-aħħar jiem.

Fuq Facebook dehru wkoll ritratti ġodda tal-ħidma li saret fiċ-ċimiterju fosthom ta’ fdalijiet fiż-żibel.

Jindikaw li l-fdalijiet inqalgħu b’għaġla

Kollox jindika li l-fdalijiet tal-persuni midfuna fil-komun inqalgħu b’għaġla. Uffiċjal fiċ-ċimiterju tal-Addolorata stqarr li hemm ċertu għaġla biex il-Gvern ikollu oqbra tal-komun. Dwar dan, il-kelliema tal-Gvern kienet qalet li dan it-tip ta’ xogħol isir biex il-Gvern ikun jista’ jilqa’ l-obbligu tiegħu li jkollu post fejn jista’ jidfen persuni li ma jkollomx qabar privat fejn jindifnu. Hija sostniet li dan isir b’mod regolari fl-ewwel kwart tas-sena.

Ma’ Newsbook.com.mt, il-Professur Arnold Cassola qal li wara li kiteb pubblikament dwar dak li qed jiġri fiċ-ċimiterju tal-Addolorata, inħareġ avviż minn kumpanija privata li qed tieħu ħsieb dan it-tindif. Huwa qal li skont il-liġi t-tindif ordinarju jsir fix-xahar ta’ Jannar, April u mhux Marzu kif ġara f’dan il-każ.