“Kieku mhux għall-kelb, stuprani” – twissija dwar raġel

Mara wisset lill-pubbliku, speċjalment lir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar u tax-Xemxija biex joqogħdu attenti. Dan wara li dalgħodu sfat attakkata minn raġel li fi kliemha pprova jabbużaha sesswalment. “Kieku mhux għall-kelb, stajt sfajt stuprata, jew agħar”, kienu kliemha.

Spjegat li ċemplet il-Pulizija dwar il-każ. Kelliem għall-Pulizija qal lil Newsbook.com.mt biex jibgħat il-mistoqsijiet għad-dettalji dwar il-każ.

F’post fuq Facebook, il-mara spjegat li għall-ħabta tad-9am ta’ filgħodu kienet qed tmexxi l-kelb tagħha f’San Pawl il-Baħar.

Qalet li avviċinaha raġel samrani, b’tul ta’ sitt piedi, u bit- tattoos m’għonqu. Iddeskriviet li kien liebes qalziet tat-tracksuit iswed jew griż, u t-shirt iswed. Skontha, jitkellem Malti tajjeb imma b’aċċent. 

Qalet li dan ir-raġel ipprova jdaħħalha f’binja abbandunata billi qabadha minn għonqha, idha u spallejha biex ikaxkarha. Hu kien qed jgħidilha biex tidħol ġewwa bil-Malti. Però, il-kelb tagħha għamel għalih, u minħabba f’hekk, kellha ċans taħrab u ċċempel lill-partner tagħha.

Spjegat li sfat bi tbenġil u grif ma’ spallejha, għonqa u sidirha. Ukoll, kellha uġigħ kbir fil-muskoli ta’ spallejha, għonqa u dahrha, apparti x-xokk li kellha wara l-attakk.