“Kieku ma jkunux is-sopratakki ma jkunx hawn skarpan wieħed”

Bennie Zammit skarpan Żurrieq

Bennie Zammit, skarpan miż-Żurrieq għal dawn l-aħħar 40 sena, jgħid li kieku ma jkunux is-sopratakki taż-żraben li jinqalgħu u jkollhom bżonn jinbidlu spiss, ma jkunx hawn skarpan wieħed f’Malta.

Jgħid li llum il-ġurnata jiskanta bil-materjal ta’ kwalità baxxa li jintuża għaż-żraben, klijenti ġieli jixtru żarbun u meta jilbsuh wara xi żmien merfugħ, isibu li qed jitfarrak. Jispjega li trid tonfoq biex ikollok żarbun serju imma xorta s-sopratakka se tittiekel. Isemmi żraben tal-irġiel li jkollhom il-wiċċ tal-ġilda imma l-qiegħ jinqasam minn taħt it-takkuna għax it-takkuna tkun vojta.

Wiret is-sengħa mingħand missieru

Huwa kien qed iġedded ħafna memorji f’intervista fil-programm Mewġiet mill-imgħoddi fuq RTK ma’ Marvic Cordina. L-iskarpan ġej minn familja ta’ skrapan peress li, flimkien ma’ wħud minn 13 il-aħwa, wiret is-sengħa mingħand missieru. Jgħid li s-sengħa hi għal qalbu ħafna, avolja fiha ħafna kumplikazzjonijiet. Iħossu kburi ħafna bis-sengħa, anke meta xi ħadd jgħid “għax dak skarpan.”

Jirrakkonta li bħala ż-żgħir fost is-subien ma tantx kien jgħin lill-missieru imma jiftakru jieħu l-qisien biex jagħmel żarbun mill-ġdid; qorq għall-bdiewa u sandlijiet u żraben l-aktar għas-sinjuri jew għal xi okkażjoni bħall-preċetti. Missieru kien ipoġġi karta mal-art, ikejjel u jimmarka fuqha. Kien jixtri l-ġilda mingħand wieħed mill-erba’ importaturi li kien hemm il-Belt u jieħu x-xogħol għand Ġużeppi tal-Ħamrun li kien jifforma l-wiċċ taż-żarbun.

Jgħid li ta’ qorq, missieru kien jieħu erba’ xelini u meta nhar ta’ Tnejn l-iskarpana kienu jiltaqgħu il-Belt għand l-aġent tal-ġilda, sħabu kienu jinkuh li hu spiżjar għax huma kienu jitħallsu inqas minnu bi tliet xelini u nofs għal kull qorq.

Ħafna nies ħafjin fl-irħula fis-sebgħinijiet

Jirrakkonta kif fis-snin sebgħin, fl-irħula kien għad hemm ħafna nies ħafjin. Jiftakar kif l-iskola fi żmienu kien hemm min imur b’żarbuna waħda u fl-oħra jilbes kalzetta, bil-ħsieb li jsalvaw iż-żarbun u jservihom aktar. Isemmi ż-żarbun tal-iskola tad-ditta John White u kif dan serva għall-aħwa fil-familja ta’ etajiet differenti.

Jgħid li hu u ħutu kienu jtajru ż-żarbun minn saqajhom wara l-iskola u jilgħabu ħafjin fl-għelieqi ta’ Ħal Luqa fejn anke kienu jgħumu ġot-tajn mix-xita li jinġabar f’ħofra kbira f’għalqa ħdejn id-dar. Jgħid li l-qiegħ tas-sieq kien irabbi saff ieħor ta’ ġilda u ma kienu jħossu xejn imma meta kien jinħasel kien isib il-farretti ‘l hemm u ‘l hawn.

Minn apprentist għal skarpan

Bennie għamel erba’ snin apprentistat fejn kien jagħmel l-aktar iż-żraben tal-preċett. Fl-1966 tħajjar minn ħutu u mar l-Ingilterra fejn qatta’ tmien snin u hemmhekk ħadem ukoll fiż-żraben u jiftakar li fl-ewwel ġurnata għamel ħdax il-boots. Meta ġie lura mar jaħdem f’fabbrika taż-żraben f’Santa Venera, kien jipprepara x-xogħol, iwaħħal il-qiegħan u għall-ewwel ġimgħa xogħol ta’ 48 siegħa qala’ erba’ xelini u nofs.

L-għodda li juża l-iskarpan

Bennie jsemmi għadd ta’ bċejjeċ tal-għodda li kien juża missieru fil-passat, fosthom is-sikkina, it-trunġett, is-sinna, ir-raspa, il-lima, ix-xemgħa biex jagħmel l-ispaga tal-ħjata u l-lissa. Qal li missieru kien jagħmel kollox b’idejh u kien ibati u iktar tard meta kien jara lilu jaħdem fuq il-magni kienu jgħidlu “Inti tilgħab hawn mhux taħdem.” Isemmi kif illum il-ġurnata żarbun magħmul apposta għalik jiswik ħafna u ħafna flus.

Jirrakkonta kif il-magni fil-fabbriki bdew jintużaw mill-1962 u kif ġol-Ħamrun kien hemm ħames fabbriki taż-żraben: il-Puma, ta’ Zammit, Beer Brand ta’ Carbonaro, Triumph u l-Elephant. Jgħid li meta kien jaħdem fil-fabbriki kien ifassal u iktar tard ħadem bħala taljatur.

Jgħid li fix-xogħol ma’ missieru, il-qiegħan taż-żraben kienu jġibuhom lesti minn barra u ġieli kienu jixtru, ifasslu u jagħmluhom huma minn folja sħiħa. Qal li l-biċċiet li kien jibqagħlu, missieru kien jitfagħhom ġo vażett bil-petrol, idubu u jagħmlu kolla tajba hafna, qisha gomma. Qal li għalhekk kienu jsejħulhom “żraben tax-xemgħa” għax tant kienet gomma b’saħħitha li ma kinitx tittiekel. Illum dawn iż-żraben m’għadhomx isiru.