“Kieku l-istituzzjonijiet ħadu azzjoni, Daphne kienet tibqa’ ħajja”

Il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia laqgħet l-aħbar tal-arrest ta’ Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, iżda qalet li li kieku ttieħdet azzjoni kontra Schembri mill-bidu li Caruana Galizia żvelat l-aġir illegali tiegħu, il-ġurnalista kienet tkun għadha ħajja llum.

L-avukati ta’ Schembri qalu li ġie arrestat fis-sigħat bikrin tal-lum, għall-ħabta tan-12.30am. Brian Tonna u Karl Cini min-Nexia BT qed jiġu interrogati mill-Pulizija wkoll. Dan b’rabta mal-inkjesta li twettqet fuq allegazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus permezz tal-bejgħ tal-passaporti Maltin lil ċittadini Russi.

Ilbieraħ l-Imħallef Edwina Grima ordnat l-iffriżar tal-assi tagħhom, kif ukoll ta’ nies u kumpaniji oħra affiljati ma’ Nexia BT u mal-kumpanija ta’ Schembri Kasco. Fuq rikjesta tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg, l-Imħallef Grima ikkonkludiet li hemm biżżejjed raġuni biex tissuspetta li huma ħatja ta’ reat ta’ ħasil ta’ flus.

Fi stqarrija, il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia qalet li l-azzjoni kontra Schembri u n-network ta’ nies involuti fil-ħasil tal-flus miegħu ddewmet wisq, billi Daphne Caruana Galizia kienet żvelat li Schembri rċieva l-flus mill-bejgħ tal-passaporti fl-24 ta’ April tal-2017.

Hija nqatlet sitt xhur wara, f’Ottubru, meta tqiegħdet bomba fil-karozza tagħha fil-Bidnija.

Il-Fondazzjoni akkużat lill-Korp tal-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali li naqsu mill-obbligu legali tagħhom li jieħdu azzjoni kontra Schembri. Kieku ħadu azzjoni mill-bidu, Daphne kienet tkun għadha ħajja, u l-pajjiż kien jevita li jkollu snin ta’ wġigħ, dispjaċir u mistħija, qalet il-Fondazzjoni.