Kieku kull Stat Membru ħa immigrant mill-Etienne konna nsolvu l-kwistjoni – Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li kieku l-Istati Membri Ewropej ikkoperaw u ħadu immigrant wieħed minn dawk li kienu salvati mill-bastiment Maersk Etienne, kieku s-sitwazzjoni kienet tiġi riżolta. “Minflok ħadd ma tkellem,” irrimarka Abela. Hu qal dan waqt laqgħa li kellu mal-President tal-Kunsill Ewropej Charles Michel f’Kastilja.

Is-saga fuq il-bastiment tal-Etienne intemmet fit-13 ta’ Settembru, 38 jum wara li l-bastiment salva grupp ta’ 27 immigrant u spiċċa qalb battibekki Ewropej ta’ fejn għandhom jiddaħħlu l-immigranti. Malta rrifjutat li dawn jiddaħħlu hawn.

Abela rrimarka li bħalissa ma jeżisti l-ebda pjan ħolistiku għal din l-isfida u kollox qed jimxi każ każ, dgħajsa, dgħajsa. Qal li fuq kull każ ta’ dgħajsa li jkun hemm jispiċċa jkun hemm stand-off dwar min hu responsabbli, jekk l-immigranti għandhomx jidħlu Lampedusa, liema hi l-bandiera li jtajru, jekk għandhomx imorru lura l-Libja jew inkella f’liema żona ta’ tiftix u salvataġġ kienu jinsabu. 

Il-Prim Ministru spjega kif il-Forzi Armati salvaw eluf ta’ persuni minn fuq il-baħar imma “bħalissa ma nistgħux nibqgħu nitkellmu biss fuq solidarjetà, issa hemm bżonn l-azzjoni.” Il-fatt li se nitkellmu waqt Kunsill Ewropew tagħtina opportunità iżda r-realtà hi li għal dawn l-aħħar 4 snin, pajjiżi bħal Malta u l-Italja u oħrajn spiċċaw isofru pressjonijiet minħabba instabilità fil-Mediterran, qal Robert Abela.

“Li l-UE tagħti l-flus lil Malta biex iżżomm l-immigranti mhix soluzzjoni”

Il-Prim Ministru Robert Abela insista li s-soluzzjoni tal-immigrazzjoni għal Malta mhix li tirċievi flus mingħand l-Unjoni Ewropea għaż-żamma tal-immigranti, iżda li jkun hemm tqassim tal-piż bejn l-Istati Membri. Il-PM qal li wara kollox, din mhux biss fruntiera ta’ Malta, iżda wkoll tal-Unjoni Ewropea.

Fi stqarrija mibgħuta mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, intqal li Abela stqarr li hemm bżonn li jkun hemm mekkaniżmu permanenti li permezz tiegħu jiġu rilokati wħud mill-immigranti għax kienu ftit li ħadu immigrnti u ftit in-numri ta’ rilokazzjoni.

“Ir-realtà tagħna hija li kull filgħodu l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta jirraporta lilna li hemm numru ta’ dgħajjes mil-Libja u fihom hemm, 90, 100 jew 120 immigrant. Din hija r-realtà li qed jgħix ta’ kuljum il-poplu Malti u Għawdxi”, qal Dr Abela

Insista li s-soluzzjoni umana b’mod uman għall-immigrazzjoni li semmiet il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, għandha ssir billi wieħed jisma’ wkoll lill-pajjiżi milquta direttament mill-immigrazzjoni. “Qegħdin f’punt fejn m’għandiex aktar spazju fejn nilqgħu aktar immigranti,” saħaq Dr Abela.

“Importanti li nikkoperaw mal-Gwardja tal-Kosta Libjana”

Il-Prim Ministru Abela tenna l-importanza li jibqa’ jkun hemm koperazzjoni mal-Gwardja tal-Kosta Libjana. Abela qal li l-Libja hija vittma wkoll f’din is-sitwazzjoni u mhux il-pajjiż li qed joħloq il-problemi. Qal li l-Libja qed ikun il-pajjiż li jiġi bis-soluzzjonijiet ħafna iktar milli l-Ewropa qed tiġi bihom. Il-Prim Ministru tenna li Malta trid tibqa’ tagħti l-għajnuna lil-Libja wkoll sabiex dan il-pajjiż ikun jista’ jiżviluppa u stqarr li waħda mis-soluzzjonijiet hija propju li jerġa’ jkun hemm il-prosperità ekonomika f’dan il-pajjiż u billi l-produzzjoni taż-żejt terġa’ tirranka.

Il-Prim Ministru għamel referenza wkoll għal dak li ġara f’Lesbos, il-Greċja, u tenna li jekk il-pajjiżi membri jpoġġu kollha madwar mejda tista’ tinstab soluzzjoni minkejja li s-suġġett huwa wieħed kumpless.

Dwar l-immigrazzjoni, Michel tenna li iva l-Unjoni Ewropea hemm bżonn li tieħu d-deċiżjonijiet u li jinstab kompromess sabiex ikun hemm l-għajnuna s-support lil dawk l-għajnuna milquta.

“Numru ta’ bidliet biex tissaħħaħ is-Saltna tad-Dritt”

Il-Prim Ministru Malti qal li sa mill-bidu nett li ħa l-kariga ta’ Prim Ministru, l-intenzjoni tiegħu kienet dejjem li jsaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura, jiżdiedu ċ-checks and balances u li jkunu msaħħa l-istituzzjonijiet. “Biex nagħmlu dan tlaqna fuq proċess wiesgħa mal-Kummissjoni Venezja, mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Oppożizzjoni u anke ma’ numru ta’ stakeholders oħra” spjega Dr Abela filwaqt li stqarr kif illum Malta daħlet sensiela ta’ riformi f’dak li huwa l-mod kif jinħatar il-President tar-Repubblika, il-Prim Imħallef, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-ġudikatura.

“Dawn il-bidliet jingħaqdu ma’ aktar poteri li ngħataw lill-Kummissjoni Permanenti ta’ kontra l-Korruzzjoni, filwaqt li għaddej aktar xogħol fuq riformi taħt il-kappa tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali mmexxija mill-President” qal il-Prim Ministru.

“Nemmen li dawn il-bidliet jistgħu jservu wkoll sabiex pajjiżi oħra jħarsu lejhom sabiex isaħħu l-mekkaniżmi tagħhom tas-saltna tad-dritt,” qal Dr Abela.

Min-naħa tiegħu l-President tal-Kunsill Ewropew Michel qal li huwa jinnota  u jirrikonoxxi l-progress li sar fil-pajjiż fir-riformi li saru biex tissaħħaħ is-saltna tad-dritt.