Aġġornata: Kevin Cutajar interessat li jieħu s-siġġu ta’ Stellini

Facebook

Read in English.

Kevin Cutajar, li qed jissemma fost dawk li jistgħu jieħdu post l-Eks Deputat Nazzjonalista David Stellini fil-Parlament, esprima l-interess tiegħu li jkun parti mill-Parlament Malti.

AQRA: L-ittra ta’ riżenja ta’ David Stellini tinqara fil-Parlament

Sorsi infurmati kkonfermaw dan ma’ Newsbook.com.mt, filwaqt li qalu li Cutajar informa persuni f’kariga għolja fil-Partit Nazzjonalista dwar l-interess tiegħu.

Għall-ħabta tal-5pm, fuq Facebook, Dr Cutajar, li lbieraħ ġie elett kunsillier għal-lokalità tax-Xagħra, qal li għada filgħodu se jattendi l-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-PN, biex jitlob li s-siġġu ta’ Stellini u li aktar qabel kien ta’ Marthese Portelli, jimtela minnu, biex isseħħ ir-rieda tal-votanti Għawdxin, li wara David Stellini għażlu lilu fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali. Fisser li diġà nforma lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u lill-uffiċjali kollha tal-PN.

 

Fil-jiem li għaddew wera l-interess tiegħu wkoll Jean Pierre Debono, eks-MP, li tela’ fil-Parlament fl-elezzjonijiet tal-2017 iżda rriżenja fl-istess sena, biex jagħmel post għall-Kap Nazzjonalista Adrian Delia fil-Parlament.  Kien Delia nnifsu waqt programm fuq l-istazzjon nazzjonali din il-ġimgħa, li żvela li Debono wera l-interess tiegħu.  Delia spjega li hu laqa’ l-entużjażmu tiegħu, iżda kien ċar li jekk jasal biex jitfa’ ismu u jintgħażel, ma jkunx jista’ jżomm il-pożizzjoni ta’ Chief Political Advisor li għandu fi ħdan il-Partit, “għax ma jkunx sew għall-partit”.

AQRA: Debono jixtieq jidħol fil-Parlament minflok Stellini – Delia

Għada, l-Eżekuttiv tal-PN se jiltaqa’ biex jagħżel minn se jieħu post Stellini fil-Parlament.

AQRA: Is-Sibt il-PN jagħżel is-suċċessur ta’ Stellini

Intant onlajn qam dibattitu sħiħ dwar jekk is-siġġu ta’ David Stellini bħala MP Nazzjonalista għandux jingħata lil Kevin Cutajar jew lil Jean Pierre Debono.  L-argument ewlieni li qed jintuża minn bosta persuni huwa li hemm bżonn li kandidat Għawdxi, jiġi mibdul ma’ kandidat Għawdxi ieħor.

AQRA: Kevin Cutajar jew Jean Pierre Debono?

Dwar Kevin Cutajar, li huwa persuna bla dawl, tkellmet Rosa Borg, persuna li qed jonqsilha d-dawl ta’ għajnejha, li saħqet li b’Cutajar, il-PN ikun qed jibgħat messaġġ pożittiv ħafna. Sostniet li l-messaġġ huwa wieħed li minkejja l-isfidi kemm jekk hix diżabbilità jew jekk intix ġej minn minoranza, wieħed jista’ jasal ukoll.