Kesħa u borra tremenda fl-Istati Uniti taħkem il-ħajja ta’ 12-il persuna

Pigeons huddle together in the snow during a winter storm in Buffalo, New York, U.S., January 30, 2019. REUTERS/Lindsay Dedario

Kesħa tremenda u borra kontinwa ħakmu żoni fil-Punent tal-Istati Uniti l-Erbgħa. Din il-kesħa s’issa wasslet għall-mewt ta’ 12-il persuna, filwaqt li waqqfet is-servizz tal-posta u sfurzat lir-residenti sabiex jinqaflu fi djarhom u jissaħħnu mill-kesħa.

Il-lezzjonijiet fl-iskejjet ġew imħassra kemm għal-bieraħ kif ukoll illum, inkluż anke f’Chicago, filwaqt li l-Pulizija qed iwissu dwar ir-riskju kbir li wieħed jista’ faċilment jidħol f’inċident miħabba li t-toroq u l-highways huma ffriżati u jiżolqu. F’Michigan, l-uffiċini kollha jidher li se jibqgħu magħluqin anke llum.

Minn tal-inqas, 12-il mewta ġiet irrappurtata minħabba l-bard estrem mis-Sibt li għadda f’Michigan, Iowa, Indiana, Illinois, Wisconsin u Minnesota, skont uffiċjali u rapporti fil-midja. Il-Pulizija f’Illinois salvat 21 persuna li spiċċaw imweħħlin fuq vann tat-trasport pubbliku li waqaf jaħdem minħabba l-kesħa. F’Detroit, raġel ta’ 70 sena nstab mejjet ilbieraħ fi triq residenzjali. Hu nstab liebes biss ħwejjeġ tal-irqad.

Imbagħad student fl-Università ta’ Iowa nstab mejjet barra minn binja tal-kampus stess ilbieraħ, hu kien qed jistudja l-mediċina. Intant, it-toroq f’Chicago spiċċaw inbidlu f’deżert hekk kif kulħadd jidher li qed jissakkar ġewwa bit-temperaturi jilħqu t-28 grad taħt iż-żero.