“Kera ta’ €200 tinbidel f’€900 f’ħames snin”

Il-Federazzjoni tal-Aġenziji tal-Proprjetà irrimarkat li proprjetà li ħames snin ilu kienet tinkera għal €200 illum il-ġurnata qed tinkera għal €900.

Il-Federazzjoni qalet dan f’reazzjoni għal dak li seħħ fi New Zealand fejn il-Gvern ħabbar li kien se jwaqqaf il-bejgħ ta’ proprjetà għall-barranin għax dan żied il-prezz tal-proprjetà fi New Zealand b’75%.

F’Malta, skont il-Federazzjoni il-prezz żdied b’100% u għalhekk il-Gvern Malti għandu jimxi fuq il-passi tal-Gvern ta’ New Zealand u jwaqqaf il-bejgħ għall-barranin speċjalment għal proprjetà li tiswa inqas minn €250.000.

Iżda l-federazzjoni uriet it-tħassib tagħha dwar il-fatt li l-Gvern qed jisma’ biss qanpiena waħda – dik tal-Malta Developers Association (MDA) u dan qed iwassal biex il-prezzijiet ikomplu jogħlew u ħafna Maltin mhux qed jaffordjaw ikollhom saqaf fuq rashom.