Kera post mikri lil ħaddieħor; jinżamm arrestat

Raġel ta’ 26 sena residenti Ta’ Xbiex ġie akkużat li allegatament kera propjetà li ma kinitx tiegħu, li kiser l-bail kif ukoll l-ordni ta’ probation.

Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel tħalla joqgħod fi propjetà li allegatament huwa kera lil persuni oħra. Meta s-sid sar jaf mar jagħmel rapport lill-pulizija.

Dan mhux l-ewwel każ taż-żagħżugħ; fl-2016 ġie kkundannat sentenza ta’ priġunerija wara li nstab ħati ta’ frodi.

L-avukat tad-difiża saħaq li dan il-każ għandu jkun trattat bħala każ ċivili u mhux kriminali minħabba li l-akkużat kellu kuntratt fuq il-post. L-avukat żied li r-raġel għadu kemm skonta sentenza ta’ ħabs u tilef ix-xogħol minħabba dan l-inċident.

Min-naħa tagħha l-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest taż-żagħżugħ bl-argument li r-raġel huwa reċediv kif ukoll li ma kinitx konvinta li r-raġel kien se jobdi l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.