Kera: “Kuntratti mhux prezzijiet fissi” – Caritas

Fid-dawl tal-Baġit, li l-Gvern mistenni jressaq nhar it-Tnejn li ġej, id-Direttur tal-Caritas Leonid McKay saħaq li l-Caritas mhix tipproponi li jkun hemm prezz fiss għall-kera, imma li dan is-suq ikun irregolat aħjar b’kuntratti, biex il-kirjiet ikunu aktar siguri.
Ma’ Newsbook.com.mt, McKay saħaq li l-ewwel u qabel kollox għandu jkun hemm kuntratt bi żmien twil u mhux kuntratt li jorbot liż-żewġ partijiet għal ftit ġimgħat biss.
Fl-istess waqt, huwa wera s-sodisfazzjon tiegħu għad-diskussjoni li għaddejja bħalissa fuq il-kwistjoni tal-kera u kuntent li l-Gvern se jkun qed jintervjeni.
“Persuni li ma jistgħux ilaħħqu mal-kera qed ifittxu kenn”
Tkellem ukoll dwar Dar Papa Franġisku u Dar Maria Dolores li bis-saħħa ta’ koperazzjoni bejn il-Knisja, il-Gvern u l-privat, jagħtu kenn lil dawk bla saqaf fuq rashom.
Minbarra raġunijiet oħra, McKay spjega li hemm persuni li qed ifittxu l-kenn ta’ dawn id-djar, għax ma jkunux jistgħu jew m’għadhomx jifilħu jħallsu għall-kera.
“Hemm prezzijiet oħra importanti għall-għajxien bażiku diċenti”
Leonid McKay fakkar fl-istudju tal-Caritas  A Minimum Essential Budget for a Decent Living – 2016, li ma jitkellimx biss dwar il-kirijiet imma anke dwar prezzijiet li huma importanti għall-għajxien bażiku tal-familji.
Fost dawn tkellem dwar il-prezzijiet tal-ikel, u saħaq li jekk dawn għolew, għandu jkun hemm studju dwar l-impatt li qed iħallu fuq il-familji Maltin.