Kenneth: Minn mal-PM għal ma’ TM; jiġi sospiż

Aġġornat 05:53 PM

Read in English.

Kenneth Camilleri li ssemma minn Melvin Theuma waqt li kien qed jixhed fil-każ dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kien ġie trasferit mit-Taqsima tas-Sigurtà personali tal-Prim Ministru għal ma’ Transport Malta li taqa’ taħt il-Ministru Ian Borg. Meta kien jaħdem Kastilja, Camilleri allegatament kien jagħmel xi xogħol ukoll fl-uffiċċju ta’ Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru.

Sospiż minn TM

Għall-ħabta tal-4.30pm, Transport Malta ħarġet stqarrija fejn qalet li Transport Malta ssospendiet impjegat tagħha, wara li ġie msemmi waqt xhieda fil-Qrati b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista. Din is-sospensjoni ġiet fis-seħħ b’effett immedjat.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li Keith Schembri, kien qed jieħu ħsieb il-kampanja ta’ Ian Borg għat-tmexxija tal-Partit Laburista.

Fil-Qorti dalgħodu, Melvin Theuma qal li rċieva telefonata minn ċertu Johann Cremona u Kenneth li kien jaħdem Kastilja. Theuma qal lill-Qorti, li hu jissuspetta li dawn tqabbdu minn Keith Schembri u Yorgen Fenech. Theuma qal li Kenneth wegħdu li l-akkużat se jieħu l-€1 miljun u ħelsien mill-arrest, imma ma ħadu xejn minnhom.

Mhux ċar meta u għaliex sar dan it-trasferiment. Newsbook.com.mt ser ikompli jaġġornakom meta tidħol iktar informazzjoni.