Kenneth Brincat ippremjat bħala s-Segretarju Eżekuttiv tal-2017

Is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi Kenneth Brincat rebaħ il-premju tas-Segretarju Eżekuttiv tas-Sena 2017.
Dan il-premju ngħata lilu mill-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Kumitati Reġjonali (ANSEK).
Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi feraħ lil Brincat għal din il-kisba.
Fiċ-ċerimonja tal-premju l-President tal-ANSEK Paul Gatt qal li “dan il-premju jservi biex ir-rebbieħ ikun mudell ta’ oħrajn biex jagħmlu bħalu u biex jimmotiva lis-Segretarji Eżekuttivi liema motivazzjoni twassal biex finalment jintlaħaq il-vera skop tal-Kunsilli Lokali, dik li ċ-ċittadin jinqeda aħjar.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis stqarr li “bil-ħidma tas-Segretarji Eżekuttivi flimkien mas-Sindki u Kunsilliera dawn iwasslu lill-Kunsilli tagħna fil-quċċata u n-nies hemm barra jkollhom Kunsilli ta’ eċċellenza.”
Iċ-Ċerpersin tal-Bord tal-Għażla Alfred Fiorini Lowell fisser għalfejn Kenneth Brincat ġie magħżul bħala r-rebbieħ ta’ dan il-premju. Huwa qal li waqt l-2017, Brincat kien fundamentali fil-proġett innovattiv tal-iSmart Parking Technology li ġie implimentat għall-ewwel darba f’Malta f’Ħal Qormi. Spjega wkoll li Brincat kien l-awtur tar-rapport dwar Performance Indicators biex l-Kunsill ta’ Ħal Qormi jkun l-ewwel Kunsill f’Malta li jagħmel dawn l-indikaturi.