Kemm tista’ ddum ipparkjat quddiem l-emerġenza ta’ Mater Dei?

Google

Iż-żona ta’ quddiem id-dipartiment tal-emerġenza tal-isptar Mater Dei hija ppjanata bħala post għal parkeġġ mhux fit-tul skont il-Kap Eżekuttiv tal-isptar Mater Dei Ivan Falzon.

Ma’ Newsbook.com.mt Falzon spjega li f’din iż-żona karozza għandha siegħa ċans biex twassal jew tiġbor lil terzi. “Nikkonferma li din ilha hekk minn meta nfetaħ l-isptar” qal Falzon li żied jgħid li “dan kif kien iddisinjat l-isptar u jirrifletti dak li jiġri fi sptarijiet oħra barra minn Malta.”

Inbidel il-kuntrattur imma mhux ir-regoli

Falzon qal li l-kuntrattur li jieħu ħsieb il-parkeġġ inbidel fl-4 ta’ Awwissu però, ir-regoli baqgħu l-istess. “Il-maggoranza ta’ dawk li użaw is-servizzi f’din iż-żona u mxew mar-regolamenti irrimarkaw titjib fid-disponibilità ta’ parkeġġ għall-mijiet ta’ utenti li jużaw is-servizzi tal-isptar” saħaq Falzon.

“Nieħu l-okkażjoni biex inwassal messaġġ favur l-użu ta’ trasport pubbliku fejn ikun possibli biex wieħed jinqeda mill-isptar. Mater Dei huwa t-tieni l-akbar hub tat-trasport pubbliku wara l-Belt Valletta. Nappella wkoll biex fejn wieħed ikun se juża’ l-vettura tiegħu jipparkja skont l-istruzzjonijiet u r-regolamenti għall-benefiċċju ta’ kulħadd” żied jgħid Falzon.

“Ipparkjajt għal 4 sigħat u ma’ qaluli xejn”

Riċentament, persuna fuq Facebook qalet li pparkjat għal erba’ sigħat fiż-żona tal-emerġenza mingħajr ebda konsegwenza. Xi nies ikkummentaw li dan għaliex kellha bżonn l-assistenza medika għat-tifel jew tifla tagħha.

Il-Kap Eżekuttiv tal-isptar qal ma’ Newsbook.com.mt li l-parkers fiż-żona quddiem l-emerġenza, għandhom l-awtorità li f’xi każijiet “joħorġu permessi ta’ eċċezzjoni”. Qal li “m’hemm xejn ħażin”.

F’Awwissu, tariffi ġodda daħlu fis-seħħ għall-parkeġġ tal-Isptar Mater Dei għal dawk kollha li jżuru l-pazjenti rikoverati fl-isptar. F’Ġunju, mara li taħdem l-Isptar Mater Dei u li xtaqet li tibqa’ anonima qalet ma’ Newsbook.com.mt li hi single mother bi tlett itfal. Spjegat li għandha paga ta’ €950 fix-xahar u qed tintalab tonfoq madwar €50 fix-xahar minnhom sabiex tkun tista’ tipparkja viċin l-isptar.