Kemm tħallas jekk jisirqulek u jiġbdulek mill-kard?

Jekk persuna titlef jew jisirqulha l-kard tal-bank u jirriżulta li tkun saret tranżazzjoni frodulenti, se tkun obbligata tħallas sa massimu ta’ €50 u mhux l-ammont kollu miġbud. Dan dejjem jekk il-klijent ma jkunx aġixxa b’qerq jew b’negliġenza kbira.
Din hija waħda mill-bidliet li l-banek qed idaħħlu fis-seħħ biex ikunu konformi mad-Direttiva 2 tal-Unjoni Ewropea dwar is-Servizz tal-Pagamenti.
Newsbook.com.mt staqsa lill-Bank Ċentrali ta’ Malta biex jispjega xi tibdiliet li se jkunu qed jidħlu fis-seħħ u spjega kif id-Direttiva l-ġdida tipprovdi aktar protezzjoni tal-konsumatur.
Dawn huma wħud mill-bidliet l-oħra li se jkunu qed jidħlu fis-seħħ:
Pagamenti elettroniċi:
Id-Direttiva tipprojbixxi negozjanti milli jitolbu ħlas żejjed lil dawk il-klijenti li jiddeċiedu jħallsu permezz ta’ pagamenti elettroniċi.
Aktar trasparenza:
Biex jippromwovu aktar trasparenza, il-banek huma obbligati li jipprovdu rendikonti ta’ kull xahar u annwali lill-klijenti tagħhom.
Dan isir bla ħlas, bil-forma elettronika jew stampata.
Apparti minn hekk, mat-terminazzjoni, il-banek huma obbligati li jipprovdu rendikont annwali tas-sena ta’ qabel. Dan jiġi pprovdut flimkien ma’ rendikont li jkopri l-perjodu mill-aħħar data tar-rendikont annwali sad-data tat-terminazzjoni tal-kont.
Ilmenti mill-konsumaturi:
Il-klijenti għandhom id-dritt li jressqu lment mal-bank li jkun relatat ma’ allegat ksur tal-provedimenti tad-Direttiva.
Il-bank obbligat li jwieġeb fi żmien 15-il jum xogħol. Jekk l-informazzjoni mhux fil-kontroll tal-bank, il-perjodu jiġi estiż għal 35 jum tax-xogħol.
F’każ li l-klijent ma jkunx sodisfatt, jista’ jmur l-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji għal soluzzjoni alternattiva.
Trasferimenti bankarji:
Jekk trasferiment ikun qed isir minn bank għal ieħor, bit-tnejn li huma jinsabu fiż-Żona Ekonomika Ewropea (EEA), dawn se jaqsmu t-tariffi, irrispettivament mill-minuta.
Dan ifisser, li min ikun qed iħallas, għandu jħallas it-tariffi imposti mill-bank tiegħu, filwaqt li min għandu jirċievi t-trasferiment, għandu jħallas it-tariffi mitluba mill-bank tiegħu.
Kards ġodda:
Biex tissaħħaħ is-sigurtà u titnaqqas il-frodi, id-Direttiva mhux se tippermetti li l-banek joħorġu kards tad-debitu li jużaw strixxa manjetika biss biex tinżamm l-informazzjoni tal-kard.
Dan ifisser li l-kards lokali kollha tad-debitu:

  • il-Quickcash tal-HSBC;
  • il-Cashlink tal-BOV; u
  • l-Premier Card tal-APS

se jkunu qed jinbidlu għall-kards biċ-ċippa u l-PIN.
Il-Bank HSBC diġà beda dan il-proċess.
Fil-jiem li għaddew, Newsbook.com.mt spjega kif il-il-ftehim bilaterali bejn il-BOV u l-HSBC li kien jippermetti lil min għandu kards tal-Cashlink u Quickcash li jiġbed flus kontanti minn ATMs operati miż-żewġ banek mingħajr tariffa, se jieqaf jopera minn wara l-31 ta’ Jannar 2018.
Agħfas hawn biex tara kemm tista’ tibda teħel meta tiġbed mill-ATMs.