Kemm swiet il-wirja ta’ Madonna fil-Billboard Music Awards?

Chris Pizzello/Invision/AP/REX/Shutterstock (10225918be) Madonna, Maluma. Madonna, left, and Maluma perform "Medellin'" at the Billboard Music Awards, at the MGM Grand Garden Arena in Las Vegas 2019 Billboard Music Awards - Show, Las Vegas, USA - 01 May 2019

Madonna bla dubju hi artista li tibqa’ magħrufa għall-mod kif minn żmien għall-ieħor jirnexxielha twelled lilha nfisha mill-ġdid. Illum il-ġurnata tgħodd 60 sena u għadha tagħmel ħoss. Wara assenza ta’ bosta snin hi għamlet ir-ritorn tagħha fix-xena mużikali permezz tal-kanzunetta Medellín li hi waħda minn erba’ singles li se tkun ħarġet sal-14 ta’ Ġunju meta dakinhar jitnieda l-14-il album tagħha li jġib l-isem ta’ Madame X.

L-artista li bħalissa qed tħejji għall-wirja tagħha fil-finali tal-Eurovision Song Contest, jumejn ilu dehret fil-Billboard Music Awards u rnexxielha tispikka. Magħha fuq il-palk kien hemm il-kantant Maluma iżda l-aktar li spikkat kienet il-wirja fejn Madonna tidher tiżfen ma’ erba’ ologrammi tagħha stess.

Il-wirja li qed tiġi mfaħħra mal-erbat irjieħ tad-dinja ma swietx sold jew tnejn għax fil-fatt lil Madonna dawn l-effetti swewha ħames miljun dollaru. Ovvjament hi parti mill-promozzjoni li diġà qed tissarraf bil-promozzjoni lura li l-artista qed tieħu fuq il-mezzi soċjali kollha.

L-għada tal-wirja fil-Billboard Music Awards, hi nediet is-silta I Rise.

Għall-Eurovision Song Contest hi mistennija tidher għal intervista qasira fis-serata tas-16 ta’ Mejju biex imbagħad terġa’ titla’ fuq il-palk tal-Eurovision f’Tel Aviv jumejn wara meta mistennija twassal spettaklu bil-kanzunetta ikonika tagħha Like A Prayer li ħarġet tletin sena ilu, kif ukoll silta mill-album il-ġdid tagħha.

L-għajta hi biex Madonna tinterpreta s-silta Medellín ma’ Maluma, iżda hi x’aktarx se tkun qed tkanta silta oħra minn Madame X li Madonna tkun se tniedi bħala single fl-istess perjodu.

Aqra: Żewġ dehriet għal Madonna fil-Eurovision