Kemm tista’ teħel meta tiġbed il-flus?

Jekk inti klijent tal-HSBC jew inkella tal-Bank of Valletta, mill-1 ta’ Frar li ġej se tkun qed teħel tariffa jekk tiġbed flus kontanti minn ATM li mhix operata mill-bank li ħareġ il-kard.
Dan ifisser li jekk klijent tal-BOV imur jiġbed minn ATM tal-HSBC, jew viċi versa, se jkolli jibda jħallas tariffa.
Newsbook.com.mt bagħat għadd ta’ mistoqsijiet dwar dan lill-Bank Ċentrali ta’ Malta, kif ukoll lill-banek rispettivi.
Sal-ħin tal-pubblikazzjoni, irċieva biss tweġiba mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Kemm se tkun it-tariffa?
Fir-risposta tiegħu, il-Bank Ċentrali ta’ Malta spjega kif il-ftehim bilaterali bejn il-BOV u l-HSBC li kien jippermetti lil min għandu kards tal-Cashlink u Quickcash li jiġbed flus kontanti minn ATMs operati miż-żewġ banek mingħajr tariffa, se jieqaf jopera minn wara l-31 ta’ Jannar 2018.
Skont l-informazzjoni fuq is-siti tal-banek, klijenti tal-HSBC li jiġbdu minn ATMs ta’ banek oħra se jibdew iħallsu tariffa ta’ €2.50, filwaqt li l-klijenti tal-BOV li jiġbdu minn banek oħra ser iħallsu €3.00 u 0.33% fuq l-ammont miġbud.
 

 

Xorta nista' niġbed b'xejn?
Preżenti diġà hemm tariffa meta klijent jiġbed flus b’kard b’marka internazzjoni (Visa – Mastercard etċ) minn ATM li mhux operata mill-bank li ħareġ il-kard. Il-Bank Ċentrali spjega li dawn it-tariffi mhumiex ġodda u kienu japplikaw fil-passat, b’konformità ma’ prattiċi bankarji fl-Ewropa.
Ġbid b’xejn ta’ flus mill-ATMs għadu disponibbli meta klijent juża kard f’ATM li hi operata mill-bank rispettiv tiegħu.
Tariffi li japplikkaw biss meta tuża kard b’marka internazzjonali, biex tiġbed flus kontanti minn ATM li mhix operata mill-bank li ħareġ il-kard, jistgħu jvarjaw sostanzjalment minn bank għal ieħor.
Kien għalhekk li l-Bank Ċentrali avża lill-klijenti biex jiċċekkjaw it-tariffi speċifiċi tal-bank li jinsabu fuq is-sit elettroniku rispettiv tal-bank.
Bidliet se jkunu qed jidħlu fis-seħħ bħala parti mid-Direttiva 2 tal-Unjoni Ewropea dwar is-Servizz tal-Pagamenti li l-għan tagħha huwa li tipprovdi aktar protezzjoni tal-konsumatur.
Bħalissa l-HBSC diġà jinsab fil-proċess lil jbiddel il-kards tal-Quickcash ma’ kards internazzjonali tad-depitu.