Read in English.
Il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca kkundannat il-proposta ta’ Infrastructure Malta għall-bini ta’ flyover fil-bypass tal-Imrieħel. Hija staqsiet jekk hux se jkompli l-istupru li sofra Ħal Qormi matul l-aħħar 50 sena.
Il-President permezz ta’ kitba fuq Facebook għamlet numru ta’ mistoqsijiet dwar dan il-proġett u l-art li fertili li mistennija tittieħed jekk dan il-proġett isir. Bil-proposta ta’ dan il-proġett se tkun qiegħda tittieħed madwar 20 tomna raba’ saqwi.
Fil-kitba tagħha l-eks President staqsiet jekk Infrastructure Malta qisitx li Ħal Qormi huwa mdawwar b’seba’ Oqsma Industrijali li huma: il-Qasam Industrijali ta’ Għar-Ram, il-Qasam Industrijali tal-Ħandaq; il-Qasam Industrijali ta’ Ħal Farruġ, il-Qasam Industrijali tal-Marsa, il-Qasam Industrijali ta’ Santa Venera, il-Qasam Industrijali tal-Imrieħel u l-akwati industrijali fi Triq il-Mitħna u Triq il-Belt Valletta. Hija żiedet li f’Ħal Qormi tinħażen madwar 40% tal-ħażna tal-merkanzija li tidħol f’Malta.
Coleiro Preca kompliet tistaqsi jekk Infrastructure Malta hux konxja li Ħal Qormi sar ċentru ta’ kummerċ bi iżvilupp sfrenat u dan wassal biex tintilef numru kbir ta’ art saqwija b’riżultat ta’ telf għall-bdiewa u stupru ta’ wirt nazzjonali.
Hija staqsiet ukoll jekk infrastructure Malta għamlitx riċerki dwar il-wirt nazzjonali li Ħal Qormi tilef matul is-snin fosthom: l-Armerija ta’ Pinto, ir-Razzett ta’ Pinto u l-għexieren ta’ fran antiki, imtieħen u irziezet. Jekk dan il-proġett isir hemm ir-riskju li jintilef it-Torri ta’ Pinto u n-niċċa storika ta’ San Ġwakkin.
Il-President Emeritu ssuġġeriet lill-Infrastructure Malta biex tkun tkun trasparenti, tinforma bl-aktar mod ċar, tgħid xi studji għamlet fuq l-impatt, tippubblika dawn l-istudji, tikkonsulta l-Kunsill Lokali u ssejjaħ laqgħa pubblika għall-Qriema.
Marie Louise Coleiro Preca sostniet li l-Qriema mhux kontra l-progress iżda wissiet li l-progress irid iservi lin-nies biex ikun progress ta’ vera.
• L-ISTUPRU LI SOFRA HAL QORMI MATUL DAWN L-AHHAR 50 SENA SE JKOMPLI?
• IL-QRIEMA SE JKOMPLU JIGU MISRUQA MINN SPAZJI…Posted by Marie-Louise Coleiro Preca on Sunday, 20 December 2020