“Kemm nixtieq li missieri kien bħalek”

Kliem ta’ ġuvni li spiċċa bla saqaf u li tnaqqxu f’qalb patri Kapuċċin li jgħin persuni bla saqaf fuq rashom.

Read in English.

Xi ftit jew wisq ilkoll, jew kważi, nafu nagħdru u nħennu. Jiddispjaċina għall-annimali maħqura, għal ‘dawk anqas ixxurtjati’, għal ‘tal-missjoni’. Dawn kollha affarijiet tajba fihom innifishom. Iżda l-problema tibda meta mill-kliem inkunu rridu ngħaddu għall-fatti, meta l-isfortuna jibda jkollha wiċċ u leħen, meta nibdew narawhom fit-triq jiġġerrew jew reqdin fil-parapett. Meta nitkellmu magħhom nirrealizzaw li dak li jifridna minnhom hija biss serje ta’ koinċidenzi, tajbin jew ħżiena skont iċ-ċirkostanzi.

Fr Karm Aquilina huwa patri Kapuċċin. Dejjem ħabrieki, irnexxielu jsib ftit mumenti biex jitkellem ma’ Newsbook Q&A. Patri Karm ma kienx lest li joqgħod jixrob kikkra kafè waqt li ħaddieħor jistagħder fl-isfortuna. Ma kienx lest li joqgħod jippontifika minn fuq pultruna bi gverta fuq saqajh. Il-missjoni tiegħu ma ħaditux l-Afrika, ħaditu biss sal-Gżira, f’Dar Suret il-Bniedem li tipprovdi kenn lil min m’għandux saqaf fuq rasu.

Kif kien mill-bidu

“Patri Leopoldu kien il-fundatur ta’ din il-missjoni meta kien fetaħ dar Welcome Home fil-Fgura għal dawk l-irġiel li kienu għadhom kif inħelsu mill-ħabs,” qal il-Patri Kapuċċin. Dan kien għal nofs is-snin 90 u din il-missjoni li bdiet minn din id-dar sempliċi bdiet vjaġġ fejjiedi fejn illum teżisti fondazzjoni għal irġiel bla dar. Hemm ukoll dar għan-nisa, Dar Tereża Spinelli.

Mhumiex biss dawk li joħorġu mill-ħabs li spiss jispiċċaw bla dar. Hemm varjetà ta’ ċirkostanzi. Patri Karm qal li din il-pjaga ilha għexieren ta’ snin u l-kawżi tagħha jmorru lil hinn mir-raġunijiet komdi li min qiegħed geddumu fiċ-ċiċri spiss isemmi.

Raġunijiet mhux fantasija

Meta wieħed jispiċċa bla dar, spiss ikun minħabba diversi fallimenti. Il-falliment, spjega Patri Karm, jistgħu jieħdu bosta bixriet: falliment ta’ relazzjoni, żwieġ, negozju, telf ta’ impjieg, vizzju, użu ħażin ta’ riżorsi huma ftit mill-eżempji li semma. Huwa qal li meta fil-familja jkun hemm l-ingirr, uħud jaqbdu u jitilqu mingħajr ma jkollhom għaxja ta’ lejla. Fejn jidħlu separazzjonijiet, il-manteniment spiss iwassal biex wieħed mill-imsieħba fiż-żwieġ li jitfarrak ma jifdallux flus biex ikun jista’ jgħix ħajja diċenti. Imbagħad hemm vizzji bħalma huma l-logħob, l-alkoħol u d-droga, l-aktar kawżi li tradizzjonalment jissemmew.

Iżda meta ssemmi nies bla saqaf, mingħajr ma trid moħħok qisu jmur fuq l-immigranti. “L-inqas li għandna huma nies mill-kontinent Affrikan,” qal Patri Karm, li bi ftit kliem xejjen sterjotipa odjuża. Qal li fost dawk li fittxew kenn għand il-patrijiet kien hemm Rumeni, Taljani, Ingliżi, Ġermaniżi u Serbi fost l-oħrajn. Issokta li spiss dawn jiġu jfittxu xogħol u meta ma jsibux u jispiċċawlhom il-flus, jispiċċaw barra u jkollhom bżonn l-għajnuna.

Dan l-artiklu huwa parti mill-kampanja tal-Milied ta’ Newsbook.com.mt ‘Ma Kienx Hemm Post Għalihom fil-Lukanda’