“Kemm naraw ġenn meta mmorru l-isptar u tistordina l-karozza”

Il-Madre Prijura tas-Sorijiet tal-Klawsura ta’ Sant’Ursula fil-Belt Valletta tirrakonta kif tant huma mdorrijin fis-skiet tal-Klawsura, li meta jkollhom bżonn joħorġu biex imorru l-isptar, jaraw ġenn kbir fuq barra. Tgħid li dejjem tispiċċa tasal lura b’uġigħ ta’ ras u l-karozza tistordihom.
Il-Madre Agnese Zammit kienet qed titkellem fil-programm Follow-Up fuq RTK meta spjegat li kull persuna li tidħol fosthom biex tagħmel xi xogħlijiet dejjem tgħidilhom kemm hemm paċi hemm ġew u kemm jinħass il-ferħ ta’ veru. Qalet li ġurnata tipika hi mqassma bejn talb u rikreazzjoni.
Qalet li kieku t-tfajliet żagħżagħ jagħrfu l-ħajja sabiħa tas-sorijiet tal-Klawsura, ma jibqax post fil-monasteru.
It-talb tas-sorijiet tal-Klawsura kif iservi t’għajnuna?
Għall-mistoqsija jekk it-talb hux ħela ta’ ħin, il-Madre tistaqsi “Kieku ħela ta’ ħin, iċemplulek u jgħidulek, Madre itlob għalina għax it-tifel għandu l-kanċer jew itlob għalina għax se jwaqqfuh mix-xogħol?”
“Tant nirċievu telefonati li nsaqsi imma Malta mard biss għandna, kemm hawn diżgwid fil-familji?” kompliet tispjega s-soru.
Kompliet kif imbagħad tifraħ meta n-nies iċemplulhom lura u jgħidulha li bit-talb tagħhom, qalgħu il-grazzja.
Iċ-ċaħda mill-familja u t-tiġijiet
Il-Madre tas-sorijiet tal-Klawsura ta’ Sant’Ursula tgħid li lill-Familjarji jarawhom darba fix-xahar għal ġurnata sħiħa. Imma fi żmien ir-Randan ma jarawhomx u jaqtgħu ukoll il-komunikazzjoni magħhom bit-telefon.
Spjegat kif is-sorijiet jiċċaħdu minn kollox u għalkemm ma jmorrux tiġijiet il-Mulej jaħsbilhom hu! Qalet li jaqilgħu ħafna affarijiet mit-tiġijiet għax ikun hemm min joħdilhom l-ikel li jibqagħlhom żejjed mit-tieġ. Irrakkuntat kif ikun hemm persuni li għax talbu għalihom, iġibulhom affarijiet li qatt ma daquhom qabel.
Qalet li eżatt kif imbagħad tagħmel karità b’dawn l-affarijiet ma’ min hu fil-bżonn, jerġgħu jaqilgħu ħafna aktar.
Iżidu t-talb fi żmien il-politika kerha 
Tispjega li bħalma huma twaqqfu fi żmien il-Kavallieri għal Malta, anke fi żmien il-politika kerha, huma jżidu fit-talb, il-penitenza u s-sagrifiċċji tagħhom. Tgħid li jisimgħu ir-radju biex ikunu nafu x’qed jiġri u s-Sibt u l-Ħadd jaraw l-aħbarijiet fuq it-televixin.
Il-kunvent fil-Belt jesa’ sa 37 soru, kollha kamra għalihom u bħalissa fih tnax il-soru. L-izgħar għandha 28 sena u hemm soru ta’ kull età minn 20 sa 80 sena.