Kemm jonfqu biex ikunu Taħt it-Tinda l-kandidati tal-PL?

Wara li l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius staqsa fuq Facebook kemm qed jintefqu flus għall-hekk imsejħa attivitajiet Taħt it-Tinda tal-kandidati tal-Partit Laburista Josianne Cutajar, Cyrus Engerer, u Alex Agius Saliba, Newsbook.com.mt talab ir-reazzjoni tal-istess kandidati. Cyrus Engerer qal li fl-2018 hu u l-partner tiegħu nefqu €18,900. Alex Agius Saliba ma żvelax ċifri u Josianne Cutajar ma weġbitx il-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu.

Persuni qrib is-settur qalulna li l-kiri tat-tined flimkien mad-dwal u apparat awdjo-viżiv jiswa bejn €5,000 u €6,500 għal kull attività.

Kemm jonfoq Engerer?

Il-kandidat tal-PL Cyrus Engere qal ma’ Newsbook.com.mt li kellu seba’ attivitajiet tat-tip f’seba’ lokalitajiet differenti – ix-Xagħra, Paola, Ħaż-Żabbar, l-Imqabba, Ħal Lija, il-Ħamrun, u r-Rabat.

Engerer qal li dawn l-attivitajiet ma jaqgħux fil-perjodu identifikat bħala kampanja elettorali. Qal li waqt il-perjodu kopert bil-liġi tal-iffinanzjar tal-partiti, perjodu li jibda minn għada, hu se jorganizza attività waħda Taħt it-Tinda. Din se tkun qed tiġi organizzata f’San Ġiljan għada. Skont Engerer, kull attività swietu €2,700 mingħajr VAT. L-ispejjeż tħallsu mill-kandidat innifsu u mill-partner tiegħu Randolph De Battista.

Engerer nieda l-kampanja tiegħu f’kumpless privat f’Ħal Farruġ fit-23 ta’ Jannar. Is-somma li rrefera għaliha Engerer ma tinkludix l-ispiża ta’ din l-attività. Is-somma lanqas tinludi l-ispiża li tħallset għat-trażmissjoni ta’ dawn l-attivitajiet fuq Smash TV. Newsbook.com.mt huwa infurmat li kull attività tiswa l-mijiet ta’ Euro.

Engerer qal lil Newsbook.com.mt li se jkun qed jagħti rendikont sħiħ dwar in-nefqa tal-kampanja skont kif stipulat fil-liġi.

Nuqqas ta’ dettalji minn Agius Saliba

Il-kandidat għal MEP tal-PL Alex Agius Saliba qal li organizza tliet attivitajiet Taħt it-Tinda, imma naqas milli jipprovdi informazzjoni dwar kemm nefaq biex jagħmel dan.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li Saliba nieda l-kampanja tiegħu f’stabbiliment kummerċjali f’Ħal Farruġ. L-attivitajiet tiegħu Taħt it-Tinda ġew organizzatta fis-Siġġiewi, Raħal Ġdid, u l-Mosta. Agius Saliba organizza attività pubblika oħra f’Bieb is-Sultan fil-Birgu.

Il-kandidat qal li r-rekordji kollha se jkunu riflessi fir-rendikont finali li se jippreżenta lill-Kummissjoni Elettorali.

Silenzju minn Cutajar

Il-kandidata tal-PL Josianne Cutajar ma weġbitx il-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li Cutajar organizzat 10 attivitajiet Taħt it-Tinda, liema attivitajiet issejjaħ “Niltaqgħu l-Pjazza”. Cutajar nediet il-kampanja tagħha darbtejn. Darba nedietha taħt tinda kbira fiż-Żejtun. It-tieni darba użat kumpless privat fix-Xlendi.

Il-liġi x’tgħid?

Skont il-liġi tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, “ebda somma ma tista’ titħallas u ebda spiża ma tista’ ssir minn kandidat f’elezzjoni ta’ membri tal-Parlament Ewropew jew mill-aġent elettorali tiegħu sew qabel, matul, jew wara elezzjoni minħabba jew għar-rigward tat-tmexxija ta’ elezzjoni bħal dik, iżjed minn ħamsin elf euro (€50,000).”