Kemm jista’ jkun tqil il-basket tal-iskola?

Il-basket tal-iskola ma jistax ikun tqil aktar minn 10% tal-piż totali tal-ġisem ta’ student, u għall-ebda raġuni ma għandu jeċċedi l-20%. Dan ħareġ minn ċirkolari li ġiet imqassma lill-kapijiet kollha tal-iskola, kemm statali u kemm dawk li mhumiex.

Iċ-ċirkolari li ġiet maħruġa mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi tispjgea kif minn studju li sar fis-sena skolastika tal-2015/2016, instab li propju 60% tat-tfal madwar il-Gżejjer Maltin kienu qed iġorru basktijiet li jiżnu bejn 10% u 20% tal-piż totali tagħhom (Body Mass Index – BMI). Instab ukoll li kważi 15% kienu qed iġorru basktijiet b’piż ta’ aktar minn 20% ta’ kemm jiżnu.

Abbażi ta’ dan, id-Direttorat ordna lill-Kapijiet tal-Iskola sabiex jieħdu passi immedjati sabiex jassiguraw li l-piż tal-basktijiet tal-istudenti tagħhom jonqos b’tali mod li jiġi ekwivalenti għall-istandards mitluba mill-istudju. Intant issuġġerixxa numru ta’ modi kif din il-problema tista’ tiġi indirizzata:

  • L-istudenti u l-għalliema għandhom jiġu mgħallma jħallu oġġetti li m’għandhomx bżonn id-dar
  • Il-lockers għandhom jiġu mmaniġġjat sew u l-istudenti nkoraġġuti jagħmlu użu minnhom
  • L-għalliema ġodda jattendu għal taħriġ sabiex ma jibżgħux li jistgħu jispiċċaw mingħajr kotba, pitazzi jew files
  • Isiru diskussjonijiet mal-istaff biex jiġi deċiż x’materjal edukattiv għandu jintuża fl-iskejjel. Isir mezz li l-kotba li għandhom jintużaw dakinhar jinġiebu l-iskola
  • L-użu tat-teknoloġija tiġi nkoraġġuta
  • Ikun hemm policy li tgħid li għandhom jintużaw pitazzi u karti stampati minflok kotba
  • Membri mill-maniġment tal-iskola jagħmlu testijiet tal-piż tal-basktijiet tal-istudenti b’mod regolari
  • L-għalliema jġibu magħhom flixken tal-ilma li jimlewhom mill-water fountains fl-iskejjel, jew inkella mid-dispensers
  • Skejjel li jitolbu xiri ta’ kotba għandhom jassiguraw li l-kotba ma jkunux jiżnu aktar minn nofs kilo