Kemm jibbenefikaw pazjenti minn għotja demm?

Bħal ma jaf kulħadd l-appell għall-għoti tad-demm huwa dejjem kontinwu għax id-domanda għalih ma taqta’ qatt.  Iżda fil-fatt xi jsir minn demm li jkun ingħata bħala donazzjoni?

Wara li donatur jagħti borża demm b’volum ta’ madwar nofs litru, din tiġi ipproċessta f’laboratorji t’apposta u minnha jinħarġu boroż bi tliet prodotti prinċipali, li huma: il-plażma ti tista’ tinħażen sa massimu ta’ tliet snin, il-konċentrat taċ-ċelloli l-ħomor li jistgħu jinħażnu sa massimu ta’ 42 jum, u l-pjastrini li jistgħu jinħażnu sa massimu ta’ 5 ijiem biss.

Għaldaqstant tajjeb li wieħed jifhem għaliex ikun hawn bżonn ta’ riserva friska ta’ demm għall-benefiċċju ta’ tant morda u korruti. Dan hekk kif minn kull għotja demm jibbenfikaw tliet pazjenti.

Għalhekk, dawk li jħossu li jistgħu jagħtu daqqa’ t’id f’dan ir-rigward huma mħeġġa jmorru:

·    fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8am sas-6pm (l-aħħar dħul fis-6pm)

·  fis-sala ta’ taħt il-Knisja Parrokkjali ta’ Marsaskala li għada ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8.30am sas-1pm (l-aħħar dħul fis-1pm).

·  fil-Berġa tax-Xewkija f’Għawdex li nhar it-Tlieta 28 t’Awwissu se tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1pm sal-5pm (l-aħħar dħul fil-5pm).

Huwa importanti li wieħed jieħu miegħu il-karta tal-identità, jew il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.