Kemm-il mistoqsija kellek dwar il-Coronavirus?

Minister for Education and Employment Owen Bonnici launches the eBook 'Elf Mistoqsija dwar il-Coronavirus'

Read in English.

Fil-jiem li għaddew ġie ppubblikat il-ktieb ‘L-Elf Mistoqsija ta’ Dino Ricciolino Dwar il-Virus Corona’. Dan il-ktieb huwa mmirat għal tfal bejn it-tlieta u l-10 snin.

Matul il-ġurnata tas-Sibt, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ġie ppreżentat b’dan il-ktieb li sar bil-kollaborazzjoni tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.

Matul il-pandemija tal-COVID-19 ħafna familji madwar id-dinja, speċjalment it-tfal, raw id-dinja tagħhom tinbidel mil-lejl għan-nhar. L-għan ta’ dan il-ktieb huwa li jispjega b’mod ċar u ħafif, imma xjentifikament korrett, il-ħafna mistoqsijiet li jkollhom it-tfal.

Waqt il-preżentazzjoni tal-ktieb il-Ministru Owen Bonnici qal li, “l-għarfien huwa l-ewwel pass biex wieħed jifhem l-affarijiet li jkunu qed jiġru, għalhekk b’dan il-ktieb it-tfal qed jingħataw għodda bżonjuża biex jaffaċċjaw ir-realtà imma wkoll iżidu fis-sens ta’ responsabbiltà biex jipproteġu lilhom infushom u lil qrabathom. Din il-pubblikazzjoni hija wkoll ta’ għajnuna lill-familji biex iwieġbu l-mistoqsjiet b’mod ċar”.

Il-Ministru kompla li ħa gost li l-ktieb huwa bilingwi biex jilħaq it-tfal kollha ta‘ Malta u Għawdex. Dan il-ktieb se jkun qiegħed jingħata ebook b’xejn kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż lill-istudenti.

Il-pubblikatriċi tal-ktieb spjegat li l-awtriċi Chaira Battistelli bagħtitilha l-manuskritt f’Marzu li għadda u flimkien mal-illustrazzjonijiet ta’ Onda S., deher ċar li dan jista’ jagħti lok għal pubblikazzjoni edukattiva tassew tajba u għalhekk aċċettat. Kompliet li permezz tat-traduzzjoni għal Malti tal-ktieb ‘The Thousand Questions of Dino Ricciolino About The Coronavirus’ riedu li joħorġu s-sabiħ tal-Malti u l-potenzjal tiegħu meta jiffaċċja l-isfidi sabiex tinstab terminoloġija adegwata li tista’ tintuża fil-ħajja ta’ kuljum.

Huma rringrazzjaw lil kull min ħa sehem fil-produzzjoni ta’ din il-pubblikazzjoni speċjalment lis-Sur David Muscat mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu li wera appoġġ mill-bidu nett. It-traduzzjoni għall-Malti saret minn Joanne Micallef, waqt li Toni Aquilina kien l-editur. Il-qari tal-provi sar mill-Agenzija stess waqt li l-editjar tal-verżjoni bl-Ingliż sar minn Proofreading Malta.  Id-disinn tal-ktieb sar minn Naomi Gatt.