Jiddaħħlu Malta 63 immigrant

Aġġornat 05:03 PM

65 persuna għadhom bejn sema u ilma

Sea-Watch International / Twitter

Il-Forzi Armati ta’ Malta għenu biex jiġu salvati 63 immigrant abbord dgħajsa li kienet fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija. Kelliema għall-AFM ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li dawn l-immigranti ddaħħlu Malta abbord Patrol Boat tal-Forzi Armati.

L-NGO Sea-Watch International lemħet dgħajsa b’65 immigrant abbord fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija. Dawn in-nies ilhom bejn sema u ilma aktar minn 24 siegħa u jinsabu f’qagħda kritika u fi stat ta’ paniku.

“Kemm-il darba rridu nfakkrukom li d-dover tagħkom li ssalvawhom?” – NGO lill-AFM

L-NGO indirizzat direttament lill-Forzi Armati ta’ Malta u lill-Gvern Malti u staqsiethom kemm-il darba trid tfakkarhom li huwa d-dover tagħhom li jsalvaw lil dawn il-persuni.

L-aħħar kuntatt ta’ Alarm Phone ma’ din id-dgħajsa kien fid-9pm. L-għaqda li tagħmel kuntatt mal-immigranti fil-Baħar Mediterran u taġixxi ta’ medjatur bejnhom u bejn il-pajjiżi qalet li n-nies abbord id-dgħajsa kienu eżawsti u ddisprati biex jissalvaw.

Huma bdew jitolbu lil Alarm Phone biex tibgħat il-pożizzjoni tagħhom bil-GPS lill-pajjiżi tal-madwar biex isalvawhom. Alarm Phone qalet li kienet ilha tagħmel dan għal 16-il siegħa, iżda ma kellha l-ebda tweġiba mill-awtoritajiet.

Fi tweet oħra, Alarm Phone qalet li l-qraba ta’ dawk abbord bdew jikkuntattjawha mħassbin, jistaqsuha kif Malta u l-Italja mhumiex jgħinu lill-maħbubin tagħhom. Bdew juruha l-kards tagħhom tal-UNHCR u jistaqsuha fejn huma d-drittijiet umani ta’ dawn il-bnedmin. “Europe, what shall we answer?” temmet tistaqsi Alarm Phone.

Ftit tal-jiem ilu, Newsbook.com.mt staqsa lill-Prim Ministru Robert Abela dwar il-qagħda tal-kampijiet ta’ detenzjoni fil-Libja, li l-Papa Franġisku xebbahhom ma’ kampijiet tal-konċentrament. Il-PM qal li Malta għandha relazzjoni tajba mal-Libja, u tixtieq tgħin lill-immigranti, imma l-prijorità ewlenija tibqa’ l-interess nazzjonali, u l-interess tan-nazzjon huwa li ma jiddaħħlux aktar immigranti Malta.