“Kemm-il darba rajt nisa jbiddlu fehemthom dwar l-abort fl-ultrasound” – ġinekologa

Il-ġinekologa Dr Astrid Camilleri qalet li kemm-il darba rat nisa li jkunu maħsuda bl-aħbar tat-tqala tagħhom u li ma jkunux iridu jkunu ommijiet, li mbagħad ibiddlu fehemthom dwar l-abort fl-ewwel ultrasound, meta jisimgħu qalb it-tarbija tagħhom tħabbat.

Dan qalitu f’intervista mas-sit elettroniku Universe of Faith, meta hi qasmet l-esperjenza tagħha bħala ġinekologa ma’ diversi ommijiet differenti, fosthom dawk b’kundizzjonijiet mentali u li jkunu fi stat ta’ paniku. F’dawn il-każijiet, Camilleri tirreaġixxi billi tiddiskuti l-affari fid-dettall mal-omm inkwistjoni.

Spjegat li f’xi każijiet, ikollha bżonn l-għajnuna ta’ psikologa għas-sapport għall-omm jew il-ġenituri. Qalet li flimkien, jippruvaw jaraw x’alternattivi hemm għall-abort, fosthom l-addozzjoni. F’każijiet ta’ inċertezza, hija tistaqsi lill-omm, “Int lesta toqtol lill-wild tiegħek minflok tagħtih jew tagħtiha ħajja ġdida ma’ familja oħra?”

Il-ġinekologa qalet li meta omm tkun qed tikkunsidra l-abort, hija tara li tinfurmaha bil-konsegwenzi, li huma iżjed psikoloġiċi milli mediċi. Tat eżempju ta’ emoraġġija li sikwit hija l-konsegwenza ta’ pilloli tal-abort.