“Kemm -il darba bgħatt lura nies li ġew b’rigali li jiswew il-flus”- Muscat

Aġġornat 03:17 PM

Read in English.

Il-Prim Ministru  Joseph Muscat qal li r-rigali ta’ valur li ma setgħux jiġu rifjutati qegħdin għand l-Istat, waqt li stqarr li kemm – il darba bagħat lura n-nies li ġew  b’rigali li jiswew il-flus.

Meta kien qed jitkellem fuq One Radio, il-Prim Ministru qal li dawn l-aħħar rapporti fuqu huma frott ta’ theddid u kampanja ta’ tfigħ it-tajn wara li hu ddeċieda li jimxi fuq il-pariri tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.

“Jien dejjem għamilt dmiri u dan riżultat tal-fatt li minkejja li ġejt mhedded li se jkun fil-mira ta’ kampanja ta’ tfigħ it-tajn, iddeċidejt li nimxi mal-pariri tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija,” hu qal.

Huwa qal li kuntrarju ta’ dak li qed jkun irrapurtat, qed jingħadu ħafna invenzjonijiet fil-konfront tiegħu u n-nies qed jemmnuhom.

Muscat qal li meta bħal Prim Ministru ħa pussess tar-residenzi uffiċjali u l-uffiċċju, daw sabuhom vojta. “Lanqas lapes ma sibt. Lanqas rigal wieħed li ngħata l-Istat meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, aħseb u ara kemm hemm rigali nnumerati,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Muscat irid jibqa’ fil-kontroll tal-istituzzjonijiet – PN

F’reazzjoni il-PN qal li Joseph Muscat qiegħed ta’ kuljum juri li Malta hija f’qalbu biss bil-kliem mhux bil-fatti.

“Minflok ma jitlaq b’mod immedjat sabiex iħalli lill-pajjiż jirkupra mill-agħar kriżi politika li laqtet lil Malta matul dawn l-aħħar 40 sena, qiegħed ikompli jittrateni. Dan sabiex jibqa fil-kontroll tal-istituzzjonijiet filwaqt li hu u sħabu jibqgħu jevadu l-ġustizzja.”

Skont il-PN, il-kriżi politika u istituzzjonali li ġab fuq Malta Joseph Muscat, qed tolqot b’mod negattiv ukoll lin-negozji, li minħabba s-sens ta’ inċertezza u tensjoni li ħakem lill-pajjiz, il-kummerċ li fuqu jiddependu għall-għajxien tagħhom jinsab mhedded.