Kemm hi ż-żieda fil-leave u tal-għoli tal-ħajja?

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar illejla li ż-żieda tal-għoli tal-ħajja se tkun dik ta’ €3.49 fil-ġimgħa għal kulħadd, inkluż impjegati, pensjonanti, dawk li jirċievu l-benefiċċju soċjali, filwaqt li l-istipendji jiżdiedu pro-rata.

Jinħass il-bżonn li jingħata bonus ta’ darba:

Il-Ministru spjega li l-kalkolu għaż-żieda għall-għoli tal-ħajja nħadem skont il-formula maqbula bejn l-imsieħba soċjali kollha fi ħdan l-MCESD. Stqarr li din is-sena l-Gvern ħass li żidiet li kien hemm riċentament f’ċerti prodotti, setgħu ma rreflettewx l-impatt kollu fuq l-indiċi tal-prezzijiet u għalhekk għal sena waħda, dik tal-2020, il-Gvern se jagħti bonus addizzjonali lil kull familja:

€15 għal familji b’persuna waħda

€35 għal familji b’iżjed minn persuna waħda

Il-Ministru fisser li din l-għotja se jagħtiha l-Gvern u mhux jitfagħha fuq min iħaddem, bi spiża ta’ €4 miljun.

Żieda ta’ ġurnata leave għal kulħadd

Il-Ministru Edward Scicluna ħabbar żieda ta’ ġurnata oħra leave għall-impjegati kollha. Stqarr li din hi t-tielet ġurnata li ngħatat fi tliet snin u li l-Gvern qed ikompli jimplimenta l-wegħda elettorali li jagħti lura lill-ħaddiema l-ġranet tal-festi pubbliċi li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa.

Rifużjoni tat-taxxa

200,000 ħaddiem se jirċievu ċekk li jvarja bejn €40 u €68 f’rifużjoni tat-taxxa. Din il-miżura se tiswa lill-Gvern €11.5 miljun. Fakkar li l-ogħla refund jieħdu min jaqla’ l-inqas u min jaqla’ paga minima u ma jħallasx taxxa.

Overtime

L-ewwel 100 siegħa overtime jiġu intaxxati bi 15% għal dawk li jaqilgħu inqas minn €20,000 u li m’għandhomx paga maniġerjali. Din il-miżura mistennija li tiswa madwar €5.3 miljun.

Konċessjoni għat-trasferiment ta’ negozju

Se tiġi estiża għal sena oħra t-tnaqqis tar-rata tal-Boll għal 1.5% fi trasferiment ta’ negozju tal-familja.

Xi proposti ġew sottomossi dwar il-Baġit 2020?

Proposti MEA: Nofs pensjoni għal min jibqa’ jaħdem

Il-part-time għandu jiġi ntaxxat sa 10% – Delia

Baġit 2020: 6 proposti mill-Kamra tal-Kummerċ