“Kemm hi sabiħa li anke fil-mard insibu ħbieb ta’ vera”

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna awgura li l-morda kollha, anke fil-mard tagħhom, isibu ħbieb tal-qalb.
Waqt quddiesa f’Jum il-Morda, fil-Knisja ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù f’Birkirkara, Monsinjur Scicluna qal li ħbieb ta’ veru jgħidu l-verità u jfakkru wkoll fis-sabar.
“Min jitgħallem il-paċenzja ikun rebaħ iċ-ċavetta tal-hena,” qal l-Arċisqof.
Illum, fil-festa tal-Madonna ta’ Lourdes, l-Arċisqof fakkar li anke Bernardette sabet is-sabar fil-ħbieb tagħha meta kienet marida bit-tuberkolożi.
Qal li l-ħbieb vera jgħidulek il-verità: “ħadthom il-pinnoli? Qiegħed tistrieħ? Obdejtu t-tabib? Jew se nibqħu nagħmlu ta’ rasna?”
Fuq kollox ħbieb ta’ vera, joffru l-wens lill-marid biex jitkellem fuq id-dulur l-aktar personali.
“Dawk il-kollokji intimi jistgħu jkunu għajn kbira ta’ Paċi,” kompla jgħid l-Arċisqof.
Ħeġġeġ lill-morda biex jintelqu fir-rieda ta’ Alla u meta jaħsbu li “ttarrax,” jitolbuh “mhux li rrid jiena imma li trid inti.” Fakkar fit-talba ta’ Santa Katerina ta’ Siena li kienet tgħid lil Alla: “agħmel li rrid jiena għax jiena rrid dak li trid inti.”
Fakkar li l-Madonna ta’ Lourdes dehret lil tfajla marradija u mhux tfajla tas-sinjuri, b’saħħitha jew intelliġenti.
Kompla jgħid li l-messaġġ u l-istedina tal-Madonna fil-grotta ta’ Lourdes jgħodd għal kulħadd, anke llum.
Lil Bernardette, il-Madonna qaltilha: “Jiena ma nwiegħdekx li tkun ferħana fid-dinja imma fid-dinja l-oħra.”
Fl-aħħar nett awgura li anke l-morda jilqgħu l-istedina biex “iħallu x-xemgħa mixgħula” u mgħobbija bil-mard ukoll ikunu dawl tad-dinja.