Kemm hemm każi ta’ coronavirus f’Għawdex?

Beppe Galea

Rappurtaġġ addizzjonali: Charmaine Attard, Beppe Galea

Mistoqsija fuq fomm ħafna Għawdxin u dawk li qed jaqsmu l-fliegu għal btala hija kemm hemm każi ta’ coronavirus f’Għawdex. Madanakollu dwar iċ-ċifra għad m’hemmx ċarezza bil-konsegwenza li l-għajdut dwar ċifri varji jkompli jdur. Iċ-ċifri jvarjaw bejn każ wieħed u 18.

Fit-3 ta’ Awwissu, kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa qalet li f’Għawdex kien hemm żewġ każijiet: raġel mis-Serbja li jgħix Għawdex u anzjan ta’ 71 sena. Madanakollu, l-informazzjoni li rċieva Newsbook.com.mt dakinhar kienet li kien hemm bejn ħames u seba’ każi. Il-kelliema qalet ukoll li fil-preżent ħadd mhu qed jingħata kura għall-Covid-19 fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex u għaldaqstant m’hemm l-ebda pazjent li qiegħed fuq ventilator.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal lil Newsbook.com.mt li f’Għawdex jeżisti każ wieħed attiv ta’ Covid-19. Min-naħa l-oħra, f’messaġġ pubbliku fuq Facebook ċaħad li f’Għawdex hemm 18-il każ u tkellem kontra min qed jallarma lill-pubbliku b’ċifri għoljin. Però, Camilleri naqas milli jgħid kemm hemm każi attivi.

⚠️ Għal darb'oħra qed ikolli nirribatti gideb sfaċċat li tela' online ftit tal-ħin ilu. Hija gidba oħra li Għawdex hawn…

Posted by Clint Camilleri on Saturday, August 8, 2020

Bla tweġiba

Mar-ritorn tal-konferenza tal-aħbarijiet mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci nhar il-Ġimgħa, Newsbook.com.mt staqsa dwar in-numru ta’ każi f’Għawdex u l-kundizzjoni medika tal-pazjenti Għawdxin, iżda l-mistoqsija ma ġietx imwieġba.

Bżonn iktar informazzjoni dwar il-coronavirus f’Għawdex – Chris Said

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said appella biex ikun hemm aktar informazzjoni u trasparenza dwar il-każi ta’ coronavirus f’Għawdex.

L-appell ta’ Said sar ġurnata wara li l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ċaħad li kien hemm 18-il każ ta’ COVID-19 f’Għawdex.

Il-ġurnalist Gerald Fenech fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook qal li ġie infurmat li hemm mat-18-il każ ta’ persuni pożittivi għall-coronavirus. Fenech qal lis-sit Lovin Malta li l-informazzjoni li waslitlu hija informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha. Qal li l-Ministru Camilleri għandu jkun trasparenti u jgħid kemm hemm każi f’Għawdex.

Fuq Facebook Chris Said qal li fl-aħħar jiem kien hemm għajdut dwar kemm kien hemm każijiet. Filwaqt li qal li huwa ħażin li jkun hemm min jallarma għalxejn, appella lill-awtoritajiet tas-saħħa biex ikunu aktar ċari. Il-MP tal-PN appella għal “trasparenza assoluta” u qal li hekk biss ikun hemm is-serħan tal-moħħ.

HEMM BZONN AKTAR INFORMAZZJONI U TRASPARENZAFl-ahhar jiem kien hemm hafna ghidut dwar kemm hawn kazijiet f' Ghawdex ta…

Posted by Chris Said on Sunday, August 9, 2020

Dettalji dwar il-Covid-19 separati mill-komunikazzjoni politika – OECD

L-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) qalet li l-komunikazzjoni mill-awtoritajiet għandha tkun trasparenti waqt il-pandemija tal-coronavirus. F’Lulju spjegat li l-komunikazzjoni pubblika tfisser li wieħed jagħti informazzjoni lill-pubbliku li hija fattwali, trasparenti, u separata mill-komunikazzjoni politika. Qalet li s-separazzjoni mill-politika hija important f’kuntest fejn ikun hemm ħafna polarizzazzjoni politika f’pajjiż. F’pajjiżi hekk, jista’ jkun hemm gruppi li ma jsegwux informazzjoni uffiċjali jekk jemmnu li din hija politiċizzata.

Il-Ġimgħa l-oħra, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ċaħad li kien hemm każijiet ta’ coronavirus b’rabta mal-attività Ħondoq by Night. Fuq Facebook, il-Ministru kkjarifika li din l-aħbar li bdiet tinxtered hija falza. Huwa ċaħad ukoll li hu u impjegati tiegħu kienu kwarantina.

Id-diżinfettar tal-vapuri tal-Gozo Channel qed issir darba f’ġimgħa iżda mhux eskluż li jerġa’ jiżdied fil-ġranet li ġejjin. Ma’ Newsbook.com.mt, iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina qal li għadha trid tittieħed deċiżjoni dwar iż-żieda fil-frekwenza tad-diżinfettar li ssir fuq il-vapuri peress li r-rata ta’ infezzjonijiet bil-coronavirus f’Malta u f’Għawdex qed tiżdied. Huwa spjega li fil-ġranet fejn il-każijiet kienu baxxi kienet ittieħdet deċiżjoni li d-diżinfettar jonqos u b’hekk fl-aħħar ġimgħat kien qed isir darba f’ġimgħa.