Kemm hemm ċrief li jiġbdu s-slitta ta’ Father Christmas?

Issa li riesaq il-Milied wieħed jibda jiftakar f’bosta dettalji assoċjati miegħu. Niftakru f’xi films li għandhom x’jaqsmu mal-Milied, fil-karattri f’kotba u anki kanzunetti assoċjati ma’, għal xi wħud, l-isbaħ żmien tas-sena. Imma għad li naħsbu li nkunu nafu dan kollu, kemm inkunu eżatti f’dak li niftakru f’dawn kollha? Hawn taħt se ssibu dettalji biex tippreċiżaw dak li taħsbu li tafu.

Ftit issib min għadu qatt ma sema’ jew qara l-ktieb A Christmas Carol ta’ Charles Dickens fejn lil Scrooge jidhrulu xi erwieħ. Iżda kemm fil-fatt jidhrulu? Ħafna jaħsbu li jkunu tlieta imma fil-fatt huma erbgħa. Għax mal-erwieħ tal-Milied tal-Imgħoddi, dak tal-Preżent u dak tal-Futur hemm ukoll dak ta’ Jacob Marley, is-sieħeb li kien fin-negozju.

Minbarra l-isem għal Christmas Father li nqisuh bħala Santa Claus hemm żewġ ismijiet oħra li nsibuhom popolari ħafna fl-Ewropa. Dawn huma Kris Kringle u Saint Nick. Kris Kringle jaf l-oriġini tiegħu mill-Ġermanja waqt li Saint Nick huwa l-isem fil-qosor tal-qaddis San Nikola li tradizzjonalment jingħad li miet fis-6 ta’ Diċembru 343 WK fl-età ta’ 73 sena. Dan il-qaddis huma l-patrun tal-baħħara, il-merkanti, il-ħallelin li jkunu dinbu ta’ dnubiethom u ta’ dawk tal-ħwienet li jirhanu l-oġġetti.

Skont stħarriġ li sar irriżulta li l-aktar oġġett li jitpoġġa fuq il-quċċata tas-siġra tal-Milied mhux l-istilla. Dan hu l-anġlu … iżda li ma jteptipx bħall-istilla!

Min ra l-film Home Alone mill-1990 mill-ewwel jaħseb f’dak it-tifel imqareb ta’ tmien snin, Macaulay Culkin,  li jitħalla waħdu d-dar bi żball meta l-familja tiegħu jmorru vaganza fi żmien il-Milied fl-Ewropa. Iżda f’liema belt ikunu sejrin? Kemm minnkom jiftakru li kienu sejrin Pariġi? Home Alone hu l-aktar film tal-Milied li għamel flus mill-box office!

U x’jisimhom, u kemm hemm ċrief, li jiġbdu s-slitta ta’ Father Christmas fi żmien il-Milied? Tradizzjonalment kien hemm tmienja: Dasher, Dancer, Prancer, Vixen, Comet, Cupid, Donner u Blitzen. U dawn saru disgħa meta fis-seklu li għadda fl-1939 żdied Rudolph magħhom. Hemm min iżid ma’ dawn lil Olive!