Kemm ġranet trid taħdem biex tkun tista’ tixtri l-iPhone il-ġdid?

Skont studju li għamlet il-kumpanija Picodi, ħaddiem Malti b’salarju medju jrid jagħmel ftit aktar minn 19-il ġurnata xogħol biex ikun jista’ jixtri l-iPhone 11 PRO. Il-prezz uffiċjali ta’ dan l-iPhone li għadu kemm ġie mniedi dan ix-xahar jiswa madwar €1,179.

Il-kumpanija kkalkulat dan wara li kkalkulat is-salarju medju ta’ ħaddiem Malti, iġifieri dak ta’ €15,418.50. Għalkemm ir-riżultat huwa 0.7 ta’ ġurnata inqas mill-istudju  tas-sena l-oħra, meta kkumparat mal-Irlanda, fejn il-mowbajl qed jinbiegħ għall-istess prezz, il-ħaddiem Malti jrid jaħdem id-doppju tal-ġranet ta’ ħaddiem Irlandiż biex ikun jista’ jixtrih.

Fuq quddiem tal-lista hemm l-Iżvizzeri, l-Amerikani u l-ħaddiema tal-Lussemburgu. Meta mqabbel il-proporzjon tal-prezz tal-iPhone mas-salarju medju jirriżulta li hu aktar faċli għalihom li jixtru l-mowbajl il-ġdid. Għall-kontra ta’ dan, il-Messikani huma l-aktar bogħod milli jixtru l-mowbajl il-ġdid. Dan minħabba li hu stmat li jridu jaħdmu madwar 54 ġurnata qabel ma jkunu għamlu biżżejjed flus biex jixtru wieħed.