Kemm ġiet tiswa x-xatba tal-Forzi Armati ta’ Malta?

Il-prezz totali ta’ tliet xatbiet li ġew installat fir-ranges tal-isparar ta’ Pembroke ġew jiswew total ta’ €1,642 skont il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia.

Dan qalu waqt li kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari tad-deputat Glenn Bedingfield. Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru spjega li saru total ta’ tliet xatbiet u mhux xatba waħda, spjega li dawn ġew manifatturati u installati mill-Forzi Armati ta’ Malta stess.

Din il-mistoqsija Parlamentari ġiet propju ġimgħat wara li bombardier tkeċċa minn xogħlu wara li deher f’filmat li fih esprima l-frustrament tiegħu dwar xatba tal-ħadid bl-użu ta’ lingwaġġ goff. Hu kien qal li ġiet tiswa mas-€16,000, somma li ma taqbilx ma’ dak li ppreżenta l-Ministru Farrugia fil-Parlament.

‘Vera uża lingwaġġ goff imma ma kellux jitkeċċa’

Biex jenfasizza l-punt tiegħu, is-suldat kien saq il-vettura tal-armata madwar ix-xatba mbilli għadda mill-ħaxix. Qal li jiġifieri x-xatba litteralment kienet hemm għalxejn.

Paġna li ttellgħet fuq Facebook propju wara li l-bombardier tilef xogħlu sostniet li l-filmat inġibed bħala ċajta u li xi ħadd “irresponsabbli” għażel li jxerred il-filmat. Il-persuni li ħolqu l-paġna staqsew għalfejn is-suldat tkeċċa qabel ma tlestiet investigazzjoni meta hemm politiċi li minkejja li jkunu qed jiġu investigati, jibqgħu fil-poter.

“Tilef xogħlu fuq filmat ta’ minuta; injoraw il-kapaċitajiet tiegħu”

Is-suldat li tkeċċa spjega s-sitwazzjoni aħjar minni – Farrugia