Kemm għandek tħalli tips fir-restoranti?

Meta tkun qed iddur id-dinja minn vjaġġ għall-ieħor, u tagħmel użu ta’ numru ta’ servizzi bħal dawk tat-taxis, lukandi, u waiters, bosta drabi tiġi f’diffikultà ta’ kemm għandek tħalli tips tas-servizz li jkunu tawk.

Fl-Istati Uniti, hemm reputazzjoni ta’ tipping kbira ħafna, filwaqt li pajjiżi Ewropej huma magħrufa li ma jemmnux daqshekk fis-sistema tat-tipping. Tant u hekk, li bosta pajjiżi jikkunsidrawha mossa arroganti li wieħed jagħti tip għal servizz li jkun irċieva.

Is-sistemi tat-tipping f’10 pajjiż madwar id-dinja

  1. Abu Dhabi – Fir-ristoranti, wieħed ma jiġix sfurzat iħalli tip, pero hemm bosta li japprezzawha. Ir-rata hija dik ta’ bejn €2.33 u €4.67.
  2. Awstralja – Fir-ristoranti Awstraljani mhux neċessarju li wieħed iħalli tip, imma jekk jixtieq wieħed għandu jħalli 10% tal-kont jekk is-servizz kien eċċellenti. Min-naħa l-oħra meta wieħed jagħmel użu mill-porters f’lukanda huwa obbligat li jħalli €0.63 għal kull bagalja.
  3. Belġju – Jekk sejjer tiekol f’xi restorant, ir-ristorant se jżidlek bejn 10% u 15% tal-kont aktar sabiex ikopri tipping. Wieħed mhux obbligat iħalli tips għas-servizzi tal-lukandi.
  4. Kanada – Jekk sejjer il-Kanada u se tħalli tip, għandek tagħti bejn 15% u 20% tal-kont mingħajr it-taxxa, 25% jekk ikollok servizz eċċezzjonali, bejn 5% u 10% jekk is-servizz ikun ħażin. Fil-lukandi ġeneralment it-tips ivarjaw bejn €1.29 u €3.24.
  5. Ċina – Il-maġġoranza tar-ristoranti fiċ-Ċina m’għandhomx tipping policies u ħafna drabi jekk toffri tip tista’ titqies bħala offiża. Min-naħa tal-lukandi, ġeneralment jintalbu tips meta jkun hemm ikel ta’ klassi għolja servut lil turisti mill-Punent.
  6. Eġittu – wieħed jintalab iħalli sa massimu ta’ 10% tal-kont tar-restorant bħala tip. Fil-lukandi, wieħed jintalab iħalli €0.24 għal kull bagalja u €0.48 għat-tindif tal-kamra.
  7. Ġermanja – Fil-Ġermanja is-servizz u l-VAT ġeneralment huma inklużi fil-prezz li jkun jidher fuq il-menu. Min-naħa l-oħra, fil-lukansi wieħed jintalab iħalli €1 għal kull bagalja li jġorrlu l-porter, u bejn €1 u €2 kuljum għat-tindif tal-kamra.
  8. Indja – Jekk sejjer tiekol l-Indja, jekk ikollok servizz tajjeb għandek tħalli bejn 5% u 10% tal-kont bħala tips. Min-naħa l-oħra, fejn jidħlu lukandi, wieħed jintalab iħalli €0.62 għal kull bagalja li jġorrlu l-porter u €3.14 kuljum għat-tindif tal-kamra.
  9. Russja – Meta tiekol f’restorant fir-Russja, wieħed ġeneralment ikun mistenni jħalli bejn 5% u 10% tal-kont f’tips. Huwa mistenni li jħallu sa massimu ta’ €1.34 għall-porter, dejjem jiddependi skont kemm hemm, u €0.68 kuljum għat-tindif tal-kamra.
  10. L-Istati Uniti – Fir-ristoranti, wieħed mistenni jħalli bejn 15% u 20% tal-kont bħala tips, dejjem jiddependi fuq it-tip ta’ servizz provdut. Min-naħa l-oħra it-tips għas-servizzi fil-lukandi jvarjaw bejn €0.86 u €2.57.