Kemar David Reid ta’ St Andrew’s FC jirbaħ l-unur ta’ Jannar

Il-BOV Plejer tax-Xahar għal Jannar 2018 huwa Kemar David Reid, plejer ta’ 24 sena li jilgħab f’nofs il-grawnd ma’ St Andrew’s FC u li huwa mill-Ġamajka.
Kemar stabbilixxa lilu nnifsu bl-isforzi tiegħu sabiex St Andrew’s FC iżommu posthom fil-Kampjonat BOV Premier.
Hekk kif St Andrew’s kienu jinsabu b’gowl wieħed biss minn taħt kontra Ħamrun, wara li kienet għaddiet kważi siegħa logħob, Kemar irnexxielu jfixkel lid-difensuri ta’ Ħamrun b’sensiela ta’ finti spettakolar. Imbagħad, b’xutt fil-baxx sab ix-xibka ta’ wara minkejja li l-gowler ta’ Ħamrun ipprova jsalva b’qabża mingħajr suċċess.
Reid kien ukoll inkarigat mill-għoti tal-penalty li St Andrew’s ingħataw kontra Floriana wara nofs siegħa logħob hekk kif Marcelina waqqa’ lil Miranda Gomez fil-kaxxa ta’ Floriana, b’Reid ma jfallix mill-ħdax- il metru. Erba’ minuti wara, kien qrib li jiskorja t-tieni gowl tiegħu b’xutt imdawwar fil-baxx li mar barra biss bi ftit pulzieri, filwaqt li xutt ieħor tiegħu kien salvat minn Akpan fis-70 minuta logħob.