Kelmtu biżżejjed… imma se jkollu jħallas €6,000

Read in English.

L-eks Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali Alfred Mifsud se jkollu jħallas €6,000 lill-eks sieħba tiegħu. Dan ġie deċiż iktar kmieni llum fil-Qorti tal-Appell. Hi kienet fetħet kawża ċivili fil-konfront ta’ Mifsud għax fi kliemha naqas milli jħallas il-manteniment ta’ €3,000 fix-xahar.

F’wieħed mill-messaġġi Mifsud kien qalilha li kelmtu kienet biżżejjed iżda li xorta waħda se jkun qed jibgħatilha nota ffirmata li tgħid li se jkun qed jagħtiha l-manteniment sakemm tkun għadha qed tgħix mat-tfal.

Fil-Qorti nstema’ li Mifsud waqaf jagħtiha l-mantinement, hekk kif jumejn wara li mpustalha n-nota, il-ġurnalista assassinata ppublikat allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus fil-konfront ta’ Mifsud. Ir-relazzjoni bejn Mifsud u l-eks sieħba tiegħu marret għall-agħar, b’mod partikolari meta ġie żvelat li s-sors tal-ġurnalista kienet l-eks sieħba nnifisha.

Il-Qorti tal-Appell permezz ta’ dak il-messaġġ sabet li Mifsud iddeċieda minn jheddu li jieħu din l-obbligazzjoni legali u għalhekk ordnatlu jħallasha.

Għall-kuntrarju ta’ dan, fil-Qorti kien ġie deċiż li din in-nota kienet qed tesprimi biss l-intenzjoni tiegħu.