Kellu problema ta’ alkoħol u llum fi triqtu lejn il-qdusija

Matt Talbot, raġel minn Dublin li miet fl-1925 kellu problema tax-xorb iżda llum il-ġurnata jinsab fi triqtu li jsir qaddis.

Il-Papa Franġisku llum mistenni jsellem il-memorja tiegħu iżda mhux b’xi xarba. Minflok il-Papa mistenni jitlob quddiem ir-relikwi tar-raġel magħruf bħala “Holy Drinker” u li huwa magħruf bħala l-patrun ta’ dawk li qed ifittxu li jinħelsu mill-vizzju.

Talbot twieled f’familja ta’ 12 fqira f’Dublin u kien it-tifel ta’ missier vjolenti u alkoħoliku. Talbot innifsu beda jixrob ħafna mill-età ta’ 12-il sena waqt li kien jaħdem ma’ negozjant tal-inbid.

Skont xi xhieda f’okkażjoni minnhom Talbot biegħ iż-żarbun tiegħu stess biex ikun jista’ jixtri l-alkoħol.

Bl-għajnuna ta’ qassis huwa waqaf jixrob fl-età ta’ 28 sena u ma missx max-xorb aktar sakemm miet fl-età ta’ 69 sena.