Kellu kull dritt jibgħat ittra lill-ħaddiema tal-Enemalta

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li qed jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u d-Data Personali li ċaħad ilment imressaq minn ħdax-il impjegat tal-Enemalta wara li rċevew ittra mill-Kap tal-Oppożizzjoni.
Dan wara li s-sena li għaddiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien kiteb lill-ħaddiema tal-Enemalta dwar il-privatizazzjoni, dwar il-bejgħ tal-impjant tal-BWSC kif ukoll dwar in-nuqqas ta’ trasparenza fil-kuntratti tal-Gvern.
Għal din l-ittra, ħdax-il ħaddiem tal-Enemalta kienu oġġezzjonaw li rċevew ittra mingħand il-Kap tal-Oppożizzjoni u għamlu rapport għand il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data.
Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Kumissarju kkonkluda li l-Kap tal-Oppożizzjoni kellu kull dritt jibgħat din l-ittra għax kellha intenzjoni tajba meta tqis li kienet titratta dak li kien qiegħed jiġri fis-settur tal-enerġija f’dak iż-żmien. Qal li l-ittra ma ħolqitx indħil żejjed fuq il-privatezza tagħhom. 
Il-Kummissarju tenna li f’soċjetà demokratika, ir-rwol kostituzzjonali tal-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandux ikun imxekkel.