“Kellna nipposponu t-tieġ; lest noffri l-post lil immigranti li jidħlu Malta”

Raġel li kien se jiżżewweġ din is-sena u ppospona t-tieġ minħabba l-coronavirus lest joffri l-post tiegħu lill-immigranti li jidħlu Malta.

Din kienet waħda biss mill-għadd ta’ offerti li rċieva l-preżentatur Peppi Azzopardi wara li l-ġimgħa li għaddiet għamel stedina lil dawk li jixtiequ jżommu immigrant f’darhom. Waqt il-programm Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103 ippreżentat minn Fr Joe Borg, Peppi semma diversi persuni oħra li ċemplulu:

  • Raġel li jbigħ il-ħaxix: M’għandix fejn inżomm immigrant imma lest nagħti xirja kbira
  • Professjonist li jgħix mal-ġenituri tiegħu: Lest nikri flat għal sena u nżomm żewġ familji
  • Negozjant: Irrid familja tgħix miegħi. Irrid li jien insir parti mill-familja tagħhom u huma jsiru parti mill-familja tiegħi
  • Anzjana ta’ 76 sena: Għandna flett, nistgħu nżommu 2 familji
  • Xufier tal-minibus: Nixtieq inżomm familja sħiħa miegħi

Peppi Azzopardi qal li ħafna nies iċċelebraw li l-immigranti tħallew f’nofs ta’ baħar. Madankollu rrimarka li kieku fuq id-dgħajsa kien hemm xi ħadd li kellu miljun ewro, “konna mmorru għalih u nagħtuh passaport.”

Irrefera għad-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela, li riċentament qal li dawk in-nies li baqgħu Malta minflok marru pajjiżhom ma’ familthom, issa qegħdin fil-frontline u qed jgħinu lin-nies billi jsalvawlhom ħajjithom fil-ġlieda kontra l-coronavirus. Peppi żied jgħid li, “il-Prim Ministru qal li kieku ma kinux dawn il-barranin, il-ġlieda ma nirbħuhiex – jiġifieri l-Maltin mhumiex jifhmu x’qed jgħid il-Gvern.”

Il-Gvern missu l-ewwel salva lill-immigranti, imbagħad tkellem mal-Ewropa” – Prof. Borg

Min-naħa tiegħu, Prof. Albert Borg, lettur tal-Malti fl-Università ta’ Malta, esprima r-rabja li ħass lejn il-Gvern, “li jħalli n-nies imutu f’nofs ta’ baħar”. Insista li l-Gvern missu l-ewwel salva l-ħajjiet umani f’periklu f’nofs ta’ baħar, u mbagħad iddiskuta mal-Unjoni Ewropea x’jista’ jsir sabiex dawn l-immigranti jitqassmu fil-pajjiżi Ewropej. Sostna li l-prijorità għandha dejjem tkun li tissalva l-ħajja umana. Huwa stqarr li hu ma jistax isolvi l-problemi tad-dinja, imma lest li jilqa’ mill-inqas familja f’daru.

Għaddejt minn sitwazzjonijiet fejn temgħuni n-nies għax ma kellix flus biex nixtri x’niekol – Phyllisienne Brincat

Min-naħa tagħha, Phyllisienne Brincat, kantanta u għalliema tal-kant, qalet li hi lesta li tilqa’ immigranta f’darha. Spjegat li hi taf xi tfisser din it-tip ta’ tbatija, għax kien hemm żmien fejn temgħuha n-nies għax ma kellhiex flus biex tixtri x’tiekol.

“Jippreferu erbat ijiem fuq il-baħar milli siegħa fil-Libja” – Deanna minn Alarm Phone

Waqt l-istess programm, Deanna mill-għaqda Alarm Phone, saħqet li l-NGOs joġġezzjonaw li l-immigranti jittieħdu l-Libja, “għax hu pajjiż ta’ gwerra u torturi – l-immigranti jitqiegħdu f’kampijiet tat-torturi.” “Sikwit jgħidulna li siegħa fil-Libja hija itwal minn erbat ijiem fuq il-baħar,” saħqet Deanna.

Hija qalet li l-NGOs m’għandhom l-ebda intenzjoni li jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta. Fissret, li filwaqt li jifhmu li Malta tinsab f’sitwazzjoni diffiċli ħafna, “din kriżi politika aktar wiesgħa li trid tiġi mmaniġġjata mill-Ewropa.” Insistiet li l-għan tagħhom hu li jpoġġu l-pressjoni fuq l-awtoritajiet Ewropej biex isalvaw il-ħajjiet.

“Xogħolna huwa wkoll li nimmoniterjaw l-aġir tal-pajjiżi Ewropej u nagħmlu pressjoni biex ma jinkisrux id-drittijiet umani,” kompliet tgħid, filwaqt li saħqet li mhux minnu li l-NGOs għandhom xi qbil ma’ traffikanti tal-bnedmin. “Din allegazzjoni biex jiskreditaw l-NGOs. Imma aħna qegħdin hemm biex nimlew il-lakuna li jħallu l-awtoritajiet fit-tiftix u salvataġġ tal-immigranti,” kompliet issostni.

Deanna rrimarkat li dawk li jkunu bejn sema u ilma għandhom id-dritt li jkollhom mowbajl fuqhom sabiex jagħmlu kuntatt ma’ avukat jew mal-Alarm Phone għall-għajnuna. B’referenza għal wieħed mill-każijiet riċenti, Deanna qalet li kieku kien għall-awtoritajiet Ewropej l-immigranti kienu jmutu fil-baħar.

Rappurtaġġ Addizzjonali: Charmaine Attard