“Kellna 3 delitti fi ħmistax” – PD

Il-Partit Demokratiku fakkar li kien hemm tliet delitti fi ħmistax f’Malta.

Fi stqarrija, il-PD qal li l-kultura ta’ impunita f’Malta qed tiżdied fil-livelli kollha tas-soċjetà.

Skont il-PD jidher li saret komuni li jingħataw sentenzi sospiżi għal reati fejn tintuża arma. Qal li hemm bżonn sentenzi ħorox biex tonqos l-imġieba vjolenti. Skont il-partit, il-liġi diġà tipprovdi għal sentenza ta’ ħabs però l-Qorti xorta tista’ tapplika sentenzi sospiżi. Il-partit saħaq li hemm bżonn liġi ġdida biex ikun hemm sentenza ta’ ħabs meta tintuża arma sakemm ma jkunx hemm difiża leġittima.

Fi kliem il-partit, il-Prim Imħallef flimkien mal-Ġudikatura kollha għandhom jiftiehmu dwar sentenza minima li tiġi applikata mill-Maġistrati kolha. Il-PD qal li huwa importanti li ma jkunx hemm anomaliji u li l-ogħla standards fir-rispett lejn il-liġijiet jiġu implimentati.

Fl-aħħar ta’ Lulju argument fil-Għargħur wassal għall-mewt ta’ żewġ nisa.

Fil-bidu ta’ Awwissu mara nstabet mejta b’għonqha mħanxar f’Santa Venera.

L-Uffiċċju għas-Sigurtà Diplomatika tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti fi Frar li għadda qal li r-rata ta’ kriminalità vjolenti f’Malta hija relattivament aktar baxxa min dik tal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea.