“Kellmuna” – il-GRTU lin-negozji b’kontijiet ma’ Satabank

Il-GRTU appellat lin-negozji li għandhom kontijiet ma’ Satabank biex jagħmlu kuntatt urġenti mal-istess kamra tal-kummerċ. Il-GRTU spjegat kif se tkun qed torganizza laqgħa għall-membri li huma wkoll il-klijenti ta’ Satabank dwar miżuri korrettivi li jistgħu jittieħdu biex b’hekk jissolvew problemi li negozji individwali għandhom ma’ Satabank mill-iktar fis possibbli.

Il-GRTU ħabbret dan kollu fi stqarrija fejn qalet ukoll li tinsab f’diskussjoni mal-awtoritajiet ikkonċernati biex tillimita r-riperkussjonijiet li dan għandu fuq in-negozji. Il-GRTU stqarret ukoll li qed issegwi mill-qrib dak kollu li qed jiġri bis-Satabank li għandu diversi klijenti f’Malta li kienu fetħu kontijiet bankarji u għamlu użu mis-servizzi provduti mis-Satabank.

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta ħatret persuna kompetenti biex tirregola lill-bank f’Ottubru. Il-persuna kompetenti kien ukoll inkarigat mill-proċess fejn il-klijenti tal-istess bank bdew jingħataw “aċċess ikkontrollat” għad-depożiti tagħhom. Dan ġara wara li l-MFSA ħarġet avviż li bih waqqfet l-operat tal-bank.

L-GRTU kkummentat kif diversi negozji u ħaddiema spiċċaw f’stat iddisprat bit-telefoni tagħhom jispiċċaw f’call centre fil-Bulgarija.

Il-GRTU ħeġġet lin-negozji affettwati biex jagħmlu kuntatt magħha fuq 21232881 jew permezz ta’ ittre fuq admin@grtu.eu.