Kelliema miż-żewġ partiti jiddibattu jekk Malta hix ‘tagħna lkoll’

Illejla ttella’ dibattitu tal-Awtorità tax-Xandir mix-xandiriet għall-Elezzjoni Ġenerali. It-tema magħżula mill-Partit Laburista kienet “Malta Tagħna Lkoll”.

Il-Kelliem Ewlieni tal-Partit Laburista għall-Intern Dr Michael Falzon stqarr qal li t-tema magħżula mhix sempliċiment slogan. Għall-kuntrarju, il-moviment Laburista qed jilqa’ lil kul min jixtieq li d-deċiżjonijiet dwar il-pajjiż jittieħdu b’mod iktar trasparenti u t-tkabbir ekonomiku jilħaq lil kulħadd. Qal li 88% tal-Maltin huma inkwetati dwar il-korruzjoni u li l-burokrazija hija inkwetanti.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li l-frażi ‘Malta Tagħna Lkoll’ hija finta. Żied li l-Partit Nazzjonalista qed jiffoka fuq kif bi ħsiebu joħloq l-impjiegi ladarba tgħaddi l-elezzjoni, u ma jiffokax biss fuq ir-rebħa. Wera l-intervista li l-gazzetta The Sunday Times għamlet mal-eks deputat mexxej Laburista Anġlu Farrugia, u qal li dan huwa eżempju ta’ kif Malta mhix ta’ kulħadd.

Dr Deborah Schembri, kelliema għall-Partit Laburista, wieġbet li l-Prim Ministru warrab nies bħal Franco Debono. Qalet li l-Partit Nazzjonalista jħaddan politika mibnija ma’ klikka magħmula minn ċertu politiċi, negozjanti u persuni fix-xandir.

Id-deputat mexxej tal-Partit Nazzjonalista, Dr Simon Busuttil, qal li kien il-Partit Nazzjonalista li ta liċ-ċittadini l-iktar dritt fundamentali, jiġifieri l-ċittadinanza Ewropea. Saħaq li kieku l-pajjiż sema l-pariri tal-Partit Laburista, kien ikun fallut bħal Ċipru u kien jagħmel żbalji fil-politik barranija, b’mod partikolari fil-każ tal-kriżi fil-Libja. Żied jgħid li Anġlu Farrugia stess qal li l-Partit Laburista għandu rabtiet ma’ negozjanti kbar.