Kelliema għal Puttinu tgħid li t-talbiet għall-għajnuna ittriplaw

Kelliema għal Puttinu Cares Angele Cuschieri esprimiet il-gratitudni tagħha lejn il-poplu Malti li lbieraħ għen biex jagħti bidu għal proġett ġdid ta’ Puttinu Cares.
F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, spjegat li issa se tibda l-biċċa xogħol iebsa biex tinstab art qrib iċ-ċentru ta’ Londra biex ikunu jistgħu jinbnew bejn 30 u 40 appartament għall-familji Maltin li jitilgħu l-Ingilterra għall-kura.
Il-kelliema ta’ Puttinu kompliet tgħid li l-appartamenti preżenti jinsabu f’Sutton, iżda issa qed tfittex li tibni appartamenti ġodda iktar qrib iċ-ċentru. Qalet li dan jgħin biex il-familji jevitaw l-iskariġġ ta’ vjaġġi twal biex iżuru lill-qraba tagħhom li jkunu rikoverati fi sptar fil-qalba ta’ Londra.
Semmiet kif it-talbiet għall-għajnuna fl-aħħar snin ittriplaw tant li meta qabel kienu jitilgħu għall-kura fl-Ingilterra 30 persuna f’xahar, issa dawn telgħu għal 90.
Qalet li din iż-żieda qed titlob investiment akbar f’proġetti bħal dawn u mill-ġdid irringrazzjat lill-poplu Malti li ġabar aktar minn €1,320,194 b’risq Puttinu fil-programm Xarabank tal-lbieraħ filgħaxija.