Kelli nirriżenja; l-istorja għad tinkiteb – Mallia

Il-Membru Parlamentari Laburista Manuel Mallia rrimarka li bħal-lum ħames snin kien spiċċa minn Ministru tal-Intern, “minħabba li x-xufier tiegħi li kien pulizija, mhux fil-preżenza tiegħi, allegatament spara lejn karozza li kien qed isegwi”. Żied jgħid li “l-istorja għad trid tinkiteb”. Dakinhar, Manuel Mallia kien intalab minn Joseph Muscat biex jirriżenja.

X’kien ġara fl-2014?

19 ta’ Novembru: Ix-xufier ta’ Mallia, il-kuntistabbli Paul Sheehan kien spara żewġ tiri ta’ twissija wara li l-karozza tal-Ministru ntlaqtet minn vettura li baqgħet sejra. L-inċident seħħ il-Gżira għall-ħabta tad-9pm. Ix-xufier tal-Ministru saq għal warajh u laħqu fl-inħawi tal-pixxina f’Tal-Qroqq. Is-sewwieq tal-karozza kellu flixkun tal-birra f’idu.

8 ta’ Diċembru: Dr Manuel Mallia kien intalab jirriżenja minn Ministru mill-Prim Ministru Joseph Muscat. Dak iż-żmien huwa kien il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Għaliex kellu jirriżenja Manuel Mallia?

Il-Prim Ministru Joseph Muscat f’konferenza tal-aħbarijiet kien qal li filwaqt li Manuel Mallia ma kienx involut fil-każ, kellu d-dover li jassigura li l-istqarrija tal-Gvern ma jkunx fiha skorrettezzi. Qal li l-bord tal-inkjesta, li kienet immexxija minn tliet eks-ġudikanti, qal li Mallia żbalja li ma ħariġx korezzjoni mill-ewwel. Għaldaqstant, stqarr il-Prim Ministru, li Mallia kellu jerfa’ r-responsabbiltà u jirriżenja. B’rabta mal-istess każ Ray Zammit kien tneħħa wkoll minn Aġent Kummissarju tal-Pulizija u minfloku kien inħatar Michael Cassar.

X’kienet ir-reazzjoni ta’ Mallia dwar il-kriżi politika kurrenti?

Fil-25 ta’ Novembru, Dr Manuel Mallia baqa’ fommu sieket dwar is-sejħa għar-riżenja ta’ Konrad Mizzi minn Ministru u ta’ Keith Schembri minn Chief of Staff tal-Prim Ministru. L-għada kemm Mizzi kif ukoll Schembri rriżenjaw mill-karigi tagħhom. Għall-mistoqsijiet ta’ ġurnalista ta’ Newsbook.com.mt meta kien ħiereġ mill-Parlament, l-Eks Ministru u Kap tad-Delegazzjoni Maltija għall-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) ma kellu xejn xi jwieġeb għajr tbissem u għolla spallejh.

Filmat: Monique Agius

Keith Schembri u Konrad Mizzi rriżenjaw wara li ssemmew f’xhieda u interrogazzjonijiet b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kif ukoll dwar 17 Black, il-kumpanija f’Dubaj li kienet se tibgħat pagamenti fil-kumpaniji fil-Panama ta’ Schembri u Mizzi.