“Kelli naqbeż minn fuq id-dgħajsa biex forsi nsalva” – immigrant żagħżugħ

Malta Italja jħaqquha immigranti

Amadou Jahna, immigrant mill-Gambja li affaċċja sitwazzjonijiet li fihom ħajtu kienet fil-periklu, qal li l-uniku mod kif seta’ jsalva kien billi jaqbeż minn fuq id-dgħajsa li kienet se tieħdu mil-Libja lejn l-Ewropa minħabba li din ittaqqbet.

L-immigrant ta’ 21 sena, li dak iż-żmien kellu 17-il sena, irrakkonta l-esperjenzi tiegħu minn mindu telaq daru, waqt il-konferenza Lost in Migration, li ffukat fuq protezzjoni aħjar għall-immigranti tfal, u l-integrazzjoni tagħhom fl-Ewropa. Amadou issa jaħdem ma’ għaqda mhux governattiva Taljana li tgħin lill-immigranti.

Amadou stqarr li fl-aħħar parti tal-vjaġġ tiegħu, jiġifieri dak lejn l-Ewropa, kulħadd kien konxju li d-dgħajsa kienet qed tittaqqab, imma ħadd ma kien se jirrifjuta li jirkeb, speċjalment minħabba li l-kuntrabandisti kienu armati. Spjega li minkejja li d-dgħajsa kienet tesa’ 80 persuna, fuqha rikbu 150 persuna.

Irrakkonta kif kienu ilhom 6 sigħat fuq dik id-dgħajsa meta ddeċieda li ried jew ma riedx, kellu jaqbeż, avolja ma kienx jaf jgħum. Eventwalment, il-Baħar Mediterran tant tqawwa, li biegħdu mid-dgħajsa u lanqas baqa’ jaraha. Ipprova jgħumha lura sad-dgħajsa, imma l-mewġ beda jbiegħdu aktar.

Kien hemm li tfaċċa ħelikopter li beda jsalva lin-nies mid-dgħajsa, u anke mill-baħar. Amadou qal li kien Alla li salvah dakinhar, meta 15-il persuna li kienu miegħu mietu, fosthom ħabib tiegħu.

Amadou kien ilu sentejn li telaq minn pajjiżu wara li miet missieru, biex jitlaq għal-Libja sabiex jaħdem ma’ zijuh u jaqla’ lira għal familtu. Huwa rrakkonta l-vjaġġ diffiċli tiegħu, li meta eventwalment wasal il-Libja għand zijuh, is-sitwazzjoni finanzjarja hemmhekk kienet ħażina wkoll. Kien hemmhekk li aċċetta l-offerta ta’ kuntrabandist biex jirkeb fuq id-dgħajsa tiegħu għall-Ewropa.

Aqra l-istorja kollha ta’ Amadou hawn.