“Nistħi mmur l-iskola bil-papoċċ imqatta’. Kelli mmur u jibbuljawni”
“Meta nimirdu l-familja kollha bl-influwenza, ikollna bżonn mal-€120 għal mediċina u tabib. Biex inkampaw ikollna nnaqqsu mill-ikel u nieklu għaġin u bajd spiss” (Familja ta’ erbgħa b’paga minima).
“Meta nirċievi l-benefiċċju soċjali, immur nagħmel xirja żgħira biex nagħmel ħafna zlazi, biex jekk ninqabad bla flus inkun nista’ nitma’ lill-familja b’xi ħaġa żgħira”.
“Ma naffordjax nixtri kafè. Te biss nixorbu. Nieklu ħobż mixwi bil-butir ta’ spiss. Ma naffordajwx cereals u lanqas nieklu frott kuljum. Il-ħwejjeġ ħafna drabi niddubbawhom”.
“Uliedi m’għandhomx laptop. Sħabhom tal-klassi għandhom. Żvantaġġati”.
Dawn huma wħud mill-esperjenzi li jiltaqa’ magħhom fil-ħajja ta’ kuljum is-soċjologu Fr Charles Tabone u li semmihom f’intervista ma’ Fr Joe Borg fuq 103 Malta’s Heart.
Is-saċerdot Dumnikan stqarr li 20% tal-popolazzjoni Maltija tinsab f’riskju ta’ faqar. Spjega li dan ifisser li wieħed minn kull ħames persuni ma jlaħħqux mal-ħajja u jsibuha diffiċli biex jgħixu. Irrimarka li “ħafna drabi dawk li ngħidu li qegħdin f’riskju ta’ faqar ikunu fqar”.
Faqar jew ċaħda mill-kapriċċi?
Fr Charles insista li għalkemm dan m’għandu x’jaqsam xejn dwar kapriċċi li jinkludu safar, weekend breaks f’lukandi 5-star u ikliet f’restorant, għalih, min fil-ħajja tal-lum m’għandux biex jagħmel dawn “huwa fqir”. Semma li hemm nies li fl-aħħar 10 snin qatt ma marru vaganza.
L-aktar li jintlaqtu mill-faqar huma t-tfal… imma kif?
Fr Charles irrefera għal riċerka li għamel flimkien ma’ Prof. Angela Abela, fejn irriżulta li l-aktar li jintlaqtu mill-faqar huma t-tfal. “L-istatistika turi li hemm 30% tat-tfal milquta mill-faqar”, żied jgħid.
Stqarr li “jekk sħabhom fil-klassi jkunu ta’ livell aħjr minnhom, isir l-ibbuljar. Ħaġa ġġib lil oħra. It-tfal jgħiduli ‘nistħi mmur l-iskola bir-runners imqatta’. Mhux insemmu ditti. Qed nitkellem fuq l-essenzjal”.
X’għandu jsir biex jinqered il-faqar?
Fr Charles saħaq li Malta ilha mwaħħla fl-istess sitwazzjoni għal dawn l-aħħar 10 snin. “Dak li qed isir mhux iwassal biex ninqalgħu minnha. Il-miżuri mhux effettivi ladarba l-ġid fil-pajjiż qed jikber u l-20% fir-riskju ta’ faqar jibqgħu hemm”, kompla jgħid.
Insista li l-faqar irid jiġi indirizzat direttament mill-politiċi, filwaqt li stqarr li ma jfissirx li l-Gvern mhu qed jagħmel xejn, “għax kieku m’għandniex 20% biss”. Imma qal li bilfors li hemm xi ħaġa fil-politika ekonomika u soċjali li mhix taħdem tajjeb biżżejjed.
Biex jonqos il-faqar, Fr Charles Tabone jissuġġerixxi li:
- Għandna bżonn ta’ Poverty Watch Dog: Il-Gvern ikollu nies li jkunu dedikati biex jindirizzaw il-problema tal-faqar.
- Għandna bżonn politika soċjali globali biex naraw eżattament fejn hi l-problema u nindirizzawha. Dan minkejja li tajjeb li l-Gvern jgħin, jassisti lil dawk li mhux ilaħħqu mal-ħajja.
- Il-Maltin jibqgħu jiġu ppreparati u mħarrġa biex ikollhom xogħlijiet li jrendulhom iktar. Din hi politika ekonomika soċjali tajba ħafna.
- Il-ġbir tat-taxxa: Isiru sforzi biex tinġabar biżżejjed biex il-Gvern ikollu iktar xi jqassam biex jgħin lill-fqar.
- Jekk togħla l-paga minima u magħha jiżdied l-għoli tal-ħajja, ma jkunx hemm differenza.
- Ma tistax tnaqqas il-benefiċċji soċjali għax mill-ewwel jiżdied il-faqar
Rappurtaġġ addizzjonali: Liz Cutajar