“Kelli l-privileġġ li nitħarreġ għand wieħed mill-aqwa għalliema Maltin tat-teatru”- Clare Agius

Alfred Mallia u Clare Agius f'Meta Ħatfu l-Papa (1996)

Il-preżentatriċi u attriċi Clare Agius onorat il-memorja tal-attur Alfred Mallia li ħalliena nhar il-Ħadd 3 ta’ Mejju, billi fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook tellgħet ritratti tal-1996 meta ħadmet fil-produzzjoni Meta Ħatfu ‘l Papa flimkien ma’ Philip Stilton, Monica Attard u John Suda taħt direzzjoni ta’ Carmel S. Aquilina li kien skopriha.

ALfred Mallia u Clare Agoius f’Meta Ħatfu l-Papa (1996)

Clare Agius kitbet li Mallia kien il-mentor tagħha u kellha l-unur li taħdem miegħu wara li tħarrġet fl-iMTADA. Kitbet ukoll li dawn ir-ritratti ifakkruha kemm kienu prezzjużi għaliha u għall-istudenti tad-drama dawk is-snin ta’ formazzjoni li tħarrġu taħt l-aqwa u l-ewwel għalliema Maltin fit-teatru u d-drama.

Ritratt: Facebook/ClareAgius

Alfred Mallia kien twieled fl-1 ta’ Settembru 1950. Beda l-karriera tiegħu fi drammi Griegi li kien sar fil-beraħ fil-kulleġġ ta’ St Michael’s fis-sajf tal-1968.

Wara partijiet żgħar f’diversi produzzjonijiet, Mallia kien ingħaqad fit-teatri sperimentali memxxija minn Albert Marshall.

Beda jaħdem ukoll fuq it-televiżjoni fi produzzjonijiet bħal Il-Ġublew, Leli ta’ Ħaż-Żgħir u F’Baħar Wieħed.

Alfred Mallia mal-kast tal-ewwel teleserial bil-Malti F’Baħar Wieħed b’Ġemma Portelli, Lino Grech, Ineż Farrugia, Josephine Zammit Cordina, Karmen Azzopardi, Victor Grech u Inez Farrugia Fost oħrajn.

Huwa kien qaleb ukoll bil-Malti r-rumanz Il-Kaptan Blood kif ukoll ippubblika ktieb fis-sensiela Lejn ix-Xefaq.

Mallia kien ha sehem ukoll fil-film Black Eagle ta’ Jean Claude Van Damme li kien inħadem Malta. Kellu rwoll ukoll f’A Fine Romance, serje Ingliża. Ħadem fl-episodju Below Suspicion, li kien inħadem Għawdex.