“Kelli inċident ikrah minħabba kontejner f’nofs ta’ triq fil-Belt”

Il-kunsilliera Laburista f’Ħaż-Żabbar Ghislaine Bongailas qalet fuq Facebook kif ilbieraħ spiċċat kellha inċident “ikrah” kawża ta’ kontejner vojt li okkupa karreġjata fi triq fil-Belt Valletta.

Bongailas qalet li waqt li kienet għaddejja minn Quarry Wharf hi u sejra għax-xogħol kellha inċident bil-karozza. Spjegat li din hija triq ta’ żewġ karreġjati, u li fil-ħinijiet ta’ bejn is-6.30am u s-7.30am min ikun ġej min-naħa tal-waterfront ma jara xejn minħabba li x-xemx tiġi eżatt f’għajnejn ix-xufier. Qalet li f’nofs ta’ triq kien hemm ipparkjat kontejner vojt li okkupa karreġjata sħiħa.

Spjegat li minħabba x-xemx, hi ma ratx dan il-kontejner u spiċċat baqgħet dieħla ġo fih. Qalet li xi ħaġa oħra li setgħet tiġri kien li wieħed jipprova jaqbeż il-kontejner billi jaqleb għall-karreġjata tad-direzzjoni opposta u jissogra inċident head-on.

Qalet li b’xi grazzja hi ma weġġatx gravi ħlief għal ftit tbenġil u d-daqqa tal-iskoss li ħadet f’għonqha. Madanakollu sostniet illi li kieku kien hemm xi passiġġier magħha, kienet isseħħ diżgrazzja totali.

Bongailas kompliet tgħid li dan mhux l-ewwel inċident li ġara ta’ dan it-tip fl-istess post. Minkejja li kienet xettika għandhiex tikteb dwar il-każ online, qalet li xtaqet li din tintuża bħala tagħlima sabiex ma jiġrux inċidenti oħrajn tat-tip f’dan il-post. Qalet li filwaqt li lilha ġietha tajba, ma tistax tgħid x’jista’ jiġri fil-futur.

Intant irringrazzjat lil sħabha tax-xogħol u lill-ħaddiema kollha tal-Ministeru għall-Enerġija li taw l-għajnuna immedjata tagħhom. Bħalissa tinsab id-dar tirkupra mill-uġiegħ u x-xokk li ġab miegħu l-inċident.